Lokali

Tliet ħaddiema u erba’ organizzazzjonijiet premjati

Tliet ħaddiema u erba’ organizzazjonijiet ġew onorati waqt iċ-ċerimonja tal-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2020 li ttellgħet f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi mill-Ministeru fl-Uffiċju tal-Prim Ministru, taħt il-patronċinju tal-President ta’ Malta George Vella.

Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena ta’ din is-sena  kellu t-tema ‘Niċċelebraw is-Suċċess tal-Ħaddiema Tagħna’ u ngħata lil Rodry Ann Maria Celeste, li hija uffiċjal tal-ICT fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi. Celeste ingħatat dan l-unur b’rikonoxximent għall-ħidma b’impenn li jaqbeż id-dmirijiet normali.

It-taqsima tal-infurzar tal-liġi amministrattiva tal-Korp tal-Pulizija (ALE), ingħatat il-premju tat-tim tas-sena, fid-dawl tat-twessigħ fid-dmirijiet tagħha fil-protezzjoni tal-ambjent kif ukoll talli fl-eqqel tal-pandemija tal-Covid-19 ħadet irwol bħala frontliner.

Charmaine Eshout, kap tal-iskola medja ta’ Bormla fi ħdan il-Kulleġġ Santa Margerita, ingħatat il-premju Manager tas-Sena tax-xogħol li wettqet biex din l-iskola saret fost l-aqwa skejjel fil-pajjiż.

Il-kumpanija Baxter Ltd kienet rikonoxxuta bil-Premju tas-Sena għall-Organizzazzjoni li Tħaddem u Tippromwovi Miżuri Favur il-Familja.

Il-Premju tas-Sena għall-Organizzazzjoni li Tippromwovi s-Sostenibilità u/jew Rsponsabbiltà Soċjali mar għand l-aġenzija ta’ Malta għat-teknoloġija tal-informazzjoni (MITA) li rebħet għax-xogħol li wettqet biex ittejjeb is-sistema tal-informatika fid-Dar tal-Providenza.

Il-Kaptan Emanuel Bugelli mit-Taqsima Korpi Dixxiplinati, Sigurtà u Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi fi ħdan il-General Workers’ Union, rebaħ il-Premju tar-Rappreżentant ta’ Trade Union tas-sena filwaqt li l-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u l-Industrija kienet rikonoxxuta bir-Rappreżentant Ta’ Min Iħaddem tas-sena, għas-servizz lill-membri tagħha u għax-xogħol tagħha fit-tfassil tal-pakketti ta’ stimolu u l-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika.

F’kelmtejn għall-okkażjoni, il-President tar-Repubblika George Vella fakkar f’dawk li f’dan iż-żmien diffiċli,minkejja l-isforzi kollha tagħhom, spiċċaw tilfu xogħlohom, u saħaq li jeħtieġ aktar ħidma sabiex kulħadd ikollu xogħol li jixraqlu.

Intant, fl-għotja tal-premijiet għal din is-sena, l-uffiċju tal-Prim Ministru jidher li nesa’ għal kollox il-ħaddiema tal-qasam tas-saħħa li din is-sena kienu l-frontliners fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-Covid-19.