Il-kapijiet tal-NHS – is-servizzi tas-saħħa – fir-Renju Unit qed iwissu lin-nies ‘biex jaħsbuha sew’ dwar is-sogru relatat mal-interazzjoni soċjali matul waqt il-btajjel tal-Milied. L-awtoritajiet qalu li filwaqt li ma jridux itappnu l-ispirtu tal-festi, in-nies jeħtieġu jeżerċitaw il-massimu tal-kawtela fi żmien meta l-infezzjonijiet bil-Covid-19 qegħdin jirrankaw fil-pajjiż u madwar id-dinja.
L-NHS hu partikularment inkwetat dwar ix-xahar ta’ Jannar – il-perjodu ta’ wara l-festi – u meta l-Istati Uniti għaddiet minn numri rekord ta’ każi tal-coronavirus ( flimkien mal-imwiet relatati) wara l-festa ta’ Thanskgiving ta’ jiem ilu u wara li mijiet ta’ eluf ta’ nies kienu vvjaġġaw minn kullimkien biex ikunu miġburin ma’ familthom għall-okkażjoni.
Il-Gvern Britanniku, intant, qal li n-nies ‘għandhom bżonn li titnaqqas ir-riġidità tar-regoli dwar il-Covid-19 għal ħamest ijiem (waqt il-festi) għal raġunijiet emozzjonali’. Bejn it-23 u s-27 ta’ Diċembru, ir-restrizzjonijiet se jonqsu madwar ir-Renju Unit, bi tliet familji jkunu jistgħu jiffurmaw ‘bubble’ ( zona limitata) u jitħallfu flimkien fid-djar.
Iżda l-NHS Providers li jirrappreżenta lill-hospital trusts fl-Ingilterra, qed jappella lill-Prim Ministru Boris Johnson biex ‘imexxi dibattitu pubbliku aktar informattiv dwar is-sogru assoċjat mat-taħlit ta’ persuni fi żmien delikat ħafna’. Intant, ma ħarġet l-ebda sejħa għar-reviżjoni tal-liġijiet li jippermettu ftit tal-libertà għan-nies fi żmien il-Milied.
Dan fost twissija ċara li t-tnaqqis tal-infurzar tar-regoli dwar il-Covid-19 fl-Ingilterra kapaċi jwassal għal tielet mewġa tal-virus waqt l-aktar żmenijiet attivi għall-isptarijiet.
Sadanittant, hemm aktar aħbar tajba fil-ġlieda kontra l-coronavirus, bil-Professur Sarah Gilbert ittenni li ċ-ċansijiet huma ‘kbar’ li l-vaċċin prodott mill-Università ta’ Oxford jibda jingħata lin-nies fir-Renju Unit qabel l-aħħar tas-sena.
Madankollu, il-Ġermanja għandha timponi lockdown ‘totali’ għal żmien il-Milied (effettiv mis-16 ta’ Diċembru sal-10 ta’ Jannar) wara li l-ammonti tal-infezzjonijiet u mwiet mill-Covid-19 laħqu livelli rekord fil-pajjiż.
Il-ħwienet li mhumiex essenzjali se jingħalqu madwar il-Ġermanja sa min-nhar l-Erbgħa – l-istess bħall-iskejjel. Intant, il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel qalet li ‘il-movimenti tan-nies waqt ix-xiri tal-Milied kellhom x’jaqsmu maż-żieda konsiderevoli fil-każi tal-mard minħabba l-kuntatti soċjali mill-qrib’.
L-aħħar ċifri fil-Ġermanja konfermaw 20,200 infezzjonijiet ġodda fi tmiem il-ġimgħa u 321 mewta oħra.
Intant, ir-residenti fl-Istati Uniti, minn għada, jibdew jingħataw il-vaċċin tal-Pfizer/BioNTech għal kontra l-coronavirus wara li dan kien awtorizzat għall-użu ta’ emerġenza. L-ewwel tliet miljun dożi tal-vaċċin, fi tmiem il-ġimgħa, kienu qed jitqassmu ‘madwar l-Istati Amerikani kollha’ meta l-Istati Uniti tibqa’ l-aktar pajjiż fid-dinja li ġarrab infezzjonijiet u mwiet relatati mal-Covid-19.
//= $special ?>