Futbol Sport

Gowl lejn it-tmiem isalva punt għal Mqabba

MQABBA ………………………1
SWIEQI U. ……………………1


Mqabba: J. Grech, N. Falzon, G. Mannino, D. Pace, R. Cauchi, J. Castano, K. Cutajar, R. Spiteri, D. Micallef, G. Cesani, B. Sciberras.
Swieqi U: J.C. Debattista, T. Bonello, J. Magri Overend, S. Elfarsi, J. Micallef, S. Ibrahim, A. Schembri Wismayer, M. Vella, M. Ivanovic, F. Temile, J. Azzopardi.
Referee: Shaun Calleja


Mqabba kisbu punt drammatiku grazzi għal gowl tad-difensur Neil Falzon, li skorja fis-97 minuta meta kollox deher li Swieqi kienu se jiksbu rebħa oħra. Il-logħba kienet teknikament fqira ħafna bi ftit ideat fil-grawnd, fejn ir-riħ prattikament għamilha mpossibli li jkun hemm logħob speċjalment fi blalen għoljin.
Fit-tieni taqsima l-logħob kien xi ftit aħjar, speċjalment wara l-gowl tal-vantaġġ ta’ Frank Temile li deher li se jagħti r-rebħa lil Swieqi.
L-ewwel taqsima kienet mingħajr dubju waħda verament patetika, bi ftit li xejn azzjonijiet ta’ skor u logħba li kien ħafna drabi mwaqqaf minħabba injuries varji. Ir-riħ qawwi ftit li xejn għen biex ikun hemm logħob aħjar.
Kif-bdiet it-tieni taqsima żball fid-difiża ta’ Swieqi u xutt b’saħħtu ta’ Ryan Cauchi bil-ballun jgħaddi ftit barra. Mas-siegħa logħob freekick ta’ Schembri Wismayer bil-ballun imur ftit barra.
Fis-66 minuta Swieqi fetħu l-iskor meta minn kross mil-lemin ta’ Bonello lejn Frank Temile li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Grech. Mqabba ppruvaw iwettqu reazzjoni u meta kollox deher mitluf irnexxielhom jiksbu l-gowl tad-draw fid-97 minuta meta minn azzjoni ta’ korner mogħti minn Ryan Spiteri, kien id-difensur Neil Falzon li b’daqqa ta’ ras mill-viċin sab ix-xibka.

QRENDI ……………………….2
PIETA H. ………………………1

Qrendi: C. Abdilla, J. Busuttil, S. Schembri, B. Sammut, A. Agius, D. Bueno, E. Vella, E. Perdomo, D. Azzopardi, L. Schembri, C. Camilleri.
Pietà: M. Chetcuti, J. Cassar, M. Portelli, N. Pace Cocks, J. Ghio, D. Segura, C. Bouvet, N. Pisani, J. Caetano, I. Jalo, J. Scicluna. Referee: Stefan Pace

Qrendi kisbu rebħa tajba kontra Pieta meta grazzi għal doppjetta ta’ Daniel Bueno ikkanċellaw il-vantaġġ miksub minn Pieta li kienu fetħu l-iskor wara kwarta. Il-logħba kellha l-mumenti tajbin tagħha, logħba li kienet ferm bilanċjata fejn ir-riżultat seta’ mar kull naħa.Qrendi ħarġu tajjeb u ddominaw l-ewwel minuti tal-logħba bit-tim ta’ Pieta kostrett jiddefendi sakemm wara kwarta logħob kienu Pieta li marru fil-vantaġġ meta Scicluna żmarka lil Jake Ghio li minn quddiem Abdilla ma żbaljax b’xutt fil-baxx.
Pieta issa bdew jilagħbu aħjar, iżda fil-31 minuta Qrendi kisbu l-gowl tad-draw meta minn kross mix-xellug il-goalkeeper ta’ Pieta ħabat ma’ difensur tat-tim tiegħu stess, bil-ballun jaqa’ f’saqajn Daniel Bueno li b’xutt bid-dawra mill-viċin spara fix-xibka.
Il-logħba kompliet tiżvolġi f’waħda interessanti u Jake Ghio reġa’ resaq qrib b’xutt b’saħħtu li Abdilla salva b’diffikulta.
Ħdax-il minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima freekick ta’ Calvin Camilleri bil-ballun salvat parzjalment mill-goalkeeper u jispiċċa mal-lasta u mir-rebound ix-xutt ta’ Bueno jaħbat ukoll ma’ sieq il-lasta.
Fl-64 minuta azzjoni tajba ta’ Nicholas Pisani u xutt salvat b’diffikulta mill-goalkeeper ta’ Qrendi. Fis-70 minuta kross ta’ Bueno ħabat ma’ id Jalo u mill-istess penalty kien Bueno li skorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa.

BOV CHALLENGE LEAGUE
Ilbieraħ
: Marsaxlokk v Marsa 1-2, St. George’s v Pembroke A. 0-1 Illum: Fgura U. v Qormi 3-1, Mqabba v Swieqi U. 1-1, Qrendi v Pietà H. 2-1, St. Andrews v Żebbuġ R. 1-4, Vittoriosa S. v Naxxar L. 0-0