Futbol Sport

Gowl ta’ Cisotti jtella’ lis-Slimiżi fl-ewwel pożizzjoni

(Ritratt: Joe Borg)

Luke Micallef

FLORIANA…………………. 0

SLIEMA WANDERERS…………………. 1

Floriana: I. Akpan, E. Ruiz, N. Leone (J. Busuttil 57’), K. Keqi, U. Arias, B. Paiber (E. Arab 84’), J. Pisani (A. Azzopardi 90’), M. Garcia, M. Dias (A. Cini 84’), R. Camenzuli, T. Fonseca

Sliema: J. Galea, A. Satariano (A. Milesi 87’), K. Shaw, J. Mintoff (D. Vukovic 72’), J. Cisotti, D. Pereira, G. Aquilina, R. Kakinuma (G. Da Silva 66’), O. Bethanourt. J. P. Farrugia (S. Comvalius 87’), M. Beerman

Imwissija: G. Aquilina 16’ (S), K. Shaw 28’ (S), M. Dias 29’ (F), D. Pereira 40’ (S), U. Arias 89’ (F)

Skorjaw: J. Cisotti 50’ (S)

Referee: Glen Tonna

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Christopher Francalanza

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Juri Cisotti (Sliema)

BOV Plejer tal-logħba: Juri Cisotti (Sliema)

L-aħħar logħba li kellhom kontra xulxin Floriana u Sliema kien propju bħal daż-żmien sena meta kienu l-Furjaniżi li rebħu bl-iskor ta’ 2-1. Din il-partita kienet storja oħra hekk kif din id-darba kienu l-Wanderers li ħadu t-tliet punti. Floriana kienu għadhom kemm ġejjin minn rebħa konvinċenti kontra Valletta filwaqt li fl-aħħar ħarġa tagħhom Sliema ġejjin minn telfa kontra Ħamrun.

Il-partita bdiet pjuttost kwieta bil-logħob maqsum bejn iż-żewġ timijiet. Fil-fatt l-ewwel azzjoni tal-logħba waslet man-nofs siegħa logħob hekk kif xutt minn barra l-kaxxa ta’ Ryan Camenzuli ġie mxellef minn Jake Galea bil-ballun spiċċa f’korner. Erba’ minuti wara s-Slimiżi pprotestaw għal penalty hekk kif difensur Furjaniż deher imiss il-ballun b’idu. Fit-38 minuta Denilson Pereira għadda l-ballun lil Juri Cisotti li b’xutt minn barra l-kaxxa laqat il-lasta l-wieqfa ta’ Floriana.

Sliema ħarġu aktar avventurużi fit-tieni taqsima. Fil-fatt fil-ħames minuta tat-tieni taqsima s-Slimiżi marru minn fuq. JURI CISOTTI sab lil Ini Akpan barra minn postu u bi freekick dirett u preċiż fetaħ l-iskor. Fis-76 minuta Jan Busuttil ra x-xutt tiegħu minn barra l-kaxxa jispara għoli. Minuta wara Floriana komplew jippressaw lill-avversarji. Ryan Camenzuli avvanza bil-ballun, baqa’ dieħel fil-kaxxa bix-xutt tiegħu spara għoli. Fit-82 minuta Jean Paul Farrugia għadda kross ċentrali fejn kien hemm Juri Cisotti, iżda tal-aħħar ma rnexxielux jolqot il-ballun sew, bid-difiża Furjaniża tbiegħed il-periklu. Fid-90 minuta minn freekick, Gilmar Da Silva Ribeiro sab lil Akpan attent u tajjar il-periklu. B’hekk issa l-Wanderers telgħu waħedhom fl-ewwel pożizzjoni.