Lokali

Iberraq fuq it-tmexxija ta’ James Piscopo fl-awtorità tad-djar

Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri, Chris Cardona, Kurt Farrugia… u issa jibda jitfaċċa wkoll isem James Piscopo li hu sigriet magħruf li hu kien Eks Membru tal-Kitchen  Cabinett ta’ Joseph Muscat.  James Piscopo hu Eks Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista.

James Piscopo kien fdat ħafna mill-klikka ta’ Joseph Muscat u meta kien ħareġ il-każ ta’ Gaffarena, il-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien kien iddeċieda li f’post li fih tant flus u permessi m’għandux ikun hemm bniedem wieħed imexxi. Għalhekk il-Gvern tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat kien neħħa mit-Tmexxija tal-Lands lill-ħaddiema taċ-Ċivil u kien poġġa l-poter kollu f’Bord magħmul minn diversi persuni li ħadd ma seta’ jmexxi waħdu. Dan x’suppost sar iżda l-fatti juru mod ieħor.

James Piscopo kien inqala’ kontra qalbu minn Transport Malta u biex joqgħod kwiet kienu tawh il-pożizzjoni ta’ Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni fl-Awtorità tal-Artijiet. Iżda hu ried li jkun l-aqwa fl-Awtorità tal-Artijiet u jagħmel li jrid bħalma kien il-każ ta‘ Joseph Cuschieri fl-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA).

James Piscopo jimpjega ħaddiema li ried hu

Meta James Piscopo kien intbagħat fl-Awtorità tal-Artijiet kien beda jimpjega lill-ħaddiema li ried hu u dan mingħajr l-ebda konsultazzjonijiet ma’ ħadd.

Kien hemm istanzi fejn kien hemm min kien ġibed l-attenzjoni ta’ membri fil-Bord tal-Awtorità dwar dak li kien qed jiġri, iżda t-tweġiba kienet li l-impjiegi  kienu f’idejn l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni u dan kien jgħodd għall-impjiegi kollha fi ħdan l-Awtorità.

X’ġara kien previdibbli… fl-Awtorità ddaħħlu jaħdmu għadd kbir ta’ ħaddiema Laburisti preferibbilment nies meqjusa minn ta’ ġewwa fiċ-ċrieki ta’ Joseph Muscat u James Piscopo nnifsu.  Magħhom għadd ta’ ħaddiema li kienu jservu fis-Super One.

Jiġifieri fi ftit xhur biss l-Awtorità tal-Artijiet kienet saret benniena għall-ħaddiema Laburisti. Magħżula. Kollha tal-klikka u kollha jgawdu pagi skont kif miftehma mal-istess Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni.

James Piscopo kien il-persuna li kellha tmexxi l-Bord tad-Diretturi. Iżda x’għamel dan? Dan ġab klikka ta’ nies minn Transport Malta li bihom kien komdu jaħdem. Dawn kienu Laburisti li kienu jgħinuh fix-xogħol u allura kellu rasu mistrieħa bihom. Lill-kumplament warrabhom.

Saħansitra lin-nies li ġab fl-Awtorità tal-Artijiet tagħhom karigi għolja bħal dik ta’ Deputy Chief Officer u dan ukoll bl-iskop li l-pagi ta’ dawn il-persuni ma titnaqqasx minn kif kienet fi Transport Malta. Fi ftit kliem il-Lands spiċċa mmexxi minn Uffiċjali ta’ Transport Malta li iżda kienu fuq self.

Imbagħad bdew ifaqqsu l-Konsulenti. Naturalment bi ħlasijiet tremendi. Iżda l-impjegati l-oħrajn bdew jistaqsu… Imma ħlasijiet tremendi u xogħol xejn?!

Avukati Laburisti jimpalaw il-flus

Sorsi infurmati li tkellmu ma’ il-mument qalulna li: “Kulħadd jaf bin-numru kbir ta’ Avukati Laburisti li ddaħħlu… Ramona Attard, Justine Caruana (issa mill-ġdid Ministru), Luke, Dalli, Deborah Schembri, Matthew Bondin, Charlene Muscat (Eks Sindku tal-Imqabba u Reporter ma’ One u li ħadmet ukoll fil-kampanja tal-Ministru Owen Bonnici), Stefano Filletti u diversi oħrajn.”

Jirriżulta li bosta minn dawn l-Avukati Laburisti qatt ma jidhru fl-Uffiċini tal-Lands – naturalment mhux minħabba l-Covid-19 – iżda xorta waħda jdabbru l-eluf tal-ewro.  Imma l-importanti li dawn kienu jservu fis-Super One jew inkella kienu kandidati tal-Partit Laburista jew kellhom xi konnessjoni mal-Partit Laburista. Ilkoll ġew ippremjati b’konsulenzi ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro.

Is-sorsi infurmati li tkellmu ma’ il-mument żvelaw magħna wkoll l-abbużi serji li saru fil-konfront tal-promozzjonijiet fi ħdan il-Lands. Promozzjonijiet biss lil min ikun magħżul minn James Piscopo u bl-akbar mod sfaċċat lil min jaqdih l-aktar u jagħmel dak li jrid hu.

“Meta darba fil-kuridur jien kellimt liċ-Chairman għaliex jien ma kontx ħadt il-promozzjoni li kien ħaqqni, dan irrispondieni billi qalli li dak tiddeċidihom l-Amministrazzjoni. Qalli “saħħa” u baqa’ għaddej!

“Hekk sew. Mela jien għaliex mhux meqjus bħala blue-eyed-boy ta’ James Piscopo għax ma servejtx fl-Istazzjon One, allura nibqa’ mingħajr il-promozzjoni? Kien hemm min ġie ħafna warajja… u spiċċa qabiżni!  Hemm min bilkemm jaf jikteb u spiċċa qabiżni u sar Manager. Hemm min stagħna. Ara l-karozzi li għandhom xi wħud. Jew inkella l-proprjetajiet li xtraw xi wħud.”

Diskriminazzjonijiet sfaċċati

James Piscopo kapaċi jitbissem u jgħid bonġu lil tal-klikka, iżda lill-kumplament tal-ħaddiema jinjorahom u jpoġġihom f’sitwazzjoni mill-aktar skomda.

Mhux ta’ b’xejn li dawk ta’ madwaru jiffangaw fis-sahra u jingħataw l-opportunitajiet biex jagħmlu s-sahra, iżda l-kumplament tal-ħaddiema ma jingħatawx l-istess opportunitajiet. James Piscopo jidher li jiddeċiedi min jingħata s-sahra u min le. “Naturalment jekk tkun Nazzjonalist m’għandek l-ebda ċans li tingħata xi ftit sahra. L-abbużi fit-tqassim tas-sahra huma kbar… saħansitra hemm min jirrapporta xogħol fil-Ħdud!”

Is-sorsi ta’ il-mument żvelaw magħna wkoll suspetti serji fir-rigward tal-infiq li sar għar-rinnovament tal-post li jservi għall-Awtorità tal-Artijiet… fil-Berġa tal-Bavieri fil-Belt Valletta. Il-post kellu bżonn ta’ għadd ta’ xogħlijiet, iżda tajjeb li wieħed jiġbed l-attenzjoni għall-infiq li sar  u jekk sar infiq żejjed?

“Jien nistaqsi wkoll min qabbad lill-ħaddiema biex isiru ċerti xogħlijiet? Għal darb’oħra niskopru li dawn ix-xogħlijiet saru minn ħaddiema mqabbda minn James Piscopo. Ħaddiema li ġabhom miegħu.

Inċident serju waqt xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni

“Darba minnhom weġġa’ ħaddiem li kien qed jagħmel xogħol ta’ rinnovament. Ħaddiem ta’ kulur. Ħaġa tal-għaġeb għalina lkoll preżenti kienet kif lil dan il-ħaddiem, fuq l-istrecher biex jiddaħħal fl-Ambulanza,  ma nħariġx mill-bieb prinċipali iżda nħarġet minn bieb ieħor biex ma jurux li dan ir-raġel kien qiegħed jaħdem hemmhekk!”

Aktar abbużi huma wkoll fil-mod kif tal-klikka jiskartaw mill-post tax-xogħol. “Spiss l-ikliet f’ċerti ristoranti… u min irid jifhem… ħalli jifhem.”

Ta’ min ifakkar li ftit aktar minn sena ilu, id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus kien irriżenja minn membru tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet minħabba ndħil sfaċċat u bla preċedent min-naħa tal-Gvern fil-ħidma tal-Bord u tal-istess Awtorità, u wara li l-Gvern ħa deċiżjonijiet importanti minn idejn il-Bord u poġġihom f’idejn is-CEO tal-Awtorità tal-Artijiet James Piscopo.

James Piscopo, Eks Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, huwa persuna viċin ħafna tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat u ta’ Keith Schembri.

F’dawk iċ-ċirkostanzi iebsa u mill-aktar partiġjani, ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni, bi qbil mal-Kap tal-Oppożizzjoni, kien ħass li ma setax ikun kompliċi f’manuvri intiżi biss biex igawdu erbgħa magħżula b’detriment għall-bqija tal-poplu.

Il-Pulizija għandha tinnota wkoll…

Minn sena u ftit ilu ’l hawn il-ħniżrijiet fl-Awtorità tal-Artijiet komplew jikbru u llum nistgħu niżvelaw ukoll kif anki fir-rigward tal-Periti li jintbagħtu biex jagħmlu l-istimi… dawn allegatament jintgħażlu mill-Eks Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista James Piscopo.

Hemm Periti li qajla jagħmlu xi rapport, filwaqt li oħrajn dejjem għaddejjin. Interessanti ċerti allegazzjonijiet li jsiru f’dan ir-rigward u kif ċerti Periti spiċċaw stagħnew!

Naturalment dan – u ħafna aktar li għad noħorġu fil-Ħdud li ġejjin – wassal għal nuqqas ta’ motivazzjoni fost il-ħaddiema tal-Awtorità tal-Artijiet.

Issa li s-sistwazzjoni saret insapportabbli, allura “aħna l-ħaddiema urtati ddeċidejna li niftħu ħalqna u nitkellmu biex mingħandu widna, jisma’.