Is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, ġiet onorata bl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu fi grad ta’ Uffiċjal, hekk kif illum ġiet organizzata ċ-ċerimonja ta’ tal-investitura tal-Unuri għall-Qadi tar-Repubblika fil-Palazz tal-Gran Mastru, ippreseduta mll-President ta’ Malta George Vella, jum li pajjiżna qed ifakkar is-46 anniversarju ta’ Jum ir-Repubblika.
Hija ngħatat dan l-unur għal ħidma sfieqa tagħha fil-qasam tas-saħħa pubbliku partikolarmet f’dawn l-aħħar xhur minn meta feġġ il-Covid-19 fi xtutna.
Għal ħidma fil-qasam tas-saħħa ta’ pajjiżna tul dawn ix-xhur ta’ pandemija u mhux biss ġew onorati wkoll bħala uffiċjali fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu t-Tabib Christopher Barbara, Clinical Chariperson għad-Dipartiment tal-Patoloġija fl-Isptar Mater Dei kif ukoll it-Tabib Charles Mallia Azzopardi li preżentament imexxi d-diviżjoni tal-Mard Infettiv fl-Isptar Mater Dei – dipartiment kruċjali tul l-imxija tal-Covid-19 f’Malta.
Dan filwaqt li l-Kardinal Mario Grech ingħata l-unur tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu fil-grad ta’ Kumpann, filwaqt li l-Brigadier Jeffrey Curmi ġie onorat bl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu fil-grad ta’ Uffiċjal.
Intant fid-diskors tiegħu l-President tar-Repubblika George Vella sellem il-memorja ta’ dawk kollha li tilfu ħajjithom tul dawn l-aħħar xhur kif ukoll lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin, b’mod partikolari lill-frontliners kif ukoll lill-għalliema li minkejja s-sogru għal saħħithom xorta waħda qed iwettqu l-qadi ta’ dmirhom. Dan filwaqt li qajjem kuxjenza dwar id-diffikultajiet relatati mas-saħħa mentali li tul il-il-ġimgħat tal-pandemija l-poplu Malti u Għawdxi qed iħabbat wiċċu miegħu kemm minħabba solitudni kif ukoll dovut għal konsegwenzi ekonomiċi.
Dan filwaqt li l-President George Vella saħaq li din is-sena ma kienetx waħda bħal tas-soltu mhux biss minħabba l-pandemija iżda ankè għat-turbolenzi politiċi bl-għajta tas-Soċjetà Ċivili ta’ talba għal ħaq u ġustizzja fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Huwa appella għal ħidma sfieqa sabiex f’Malta jkollna ġurnaliżmu ħieles kif ukoll bil-għan li pajjiżna jerġa’ jikseb reputazzjoni tajba u fiduċja sħiħa fil-qasam finanzjarju fost oħrajn bil-għan li l-Gżejjer Maltin ikattru l-investiment lejhom.
L-Eċċellenza Tiegħu tkellem ukoll dwar l-ambjent ta’ madwarna u insista li dan huwa inwkiet ewlieni tal-poplu Malti u Għawdxi. Huwa appella ghal bilanċ u sostna li l-kostruzzjoni u d-divertiment m’għandhomx jippreġudikaw l-ambjent naturali ta’ pajjiżna.
Dan filwaqt li l-Kap tal-Istat iddeskriva x-xena politika f’pajjiżna tas-snin 80 bħala żminijiet li kien ikun aħjar li kieku ma seħħewx filwaqt li ddeskriva l-għażla demokratika mmexxija mill-għajta tal-Partit Nazzjonalista għal sħubija fl-Unjoni Ewropea bħala għażla għaqlija.
Iċ-ċerimonji ta’ Jum ir-Repubblika bdew bil-parata mis-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta fi Triq ir-Repubblika. Mal-wasla tagħhom fi Pjazza San Ġorġ, is-suldati kienu spezzjonati mill-President ta’ Malta.
U wara d-diskors tal-President ta’ Malta, huwa ta l-ħatriet fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu. Bħala membri ġew rikonoxxuti l-Maestro Paul Abela, il-Professur Charles Briffa, Anthony Cassar Darien, il-Professur Stephen Montefort, James Henry Pearsall u l-Monsinjur Joseph Vella Gauci.
Dan filwaqt li ingħatat l-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika lill-Professur Monsinjur Emmanuel Agius, , lill-Professur Carmelo Agius, lill-Professur Alan Deidun, lil Raymond Farrugia, lil Elio Lombardi, u lil Rebecca Cremona.
Din il-midalja ingħatat ukoll lil membri tal-Grupp Mużikali The Tramps b’rikonoxximent għall-karriera tagħhom fil-mużika Maltija.