Lokali

Irrid riforma mhux limitata għal-liġi tad-divorzju imma fil-liġijiet li jaffettwaw it-tfal u l-ġenituri

Fis-sena 2021 irridu nkomplu nagħmlu politika li tagħmel il-ġdid… fost l-oħrajn billi anke nħarsu lejn kwistjonijiet u riformi li jagħmlu l-ġid lis-soċjetà.

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, waqt intervista li xxandret fuq NET FM, fejn irrefera għall-impenn tal-Partit immexxi minnu biex mid-drittijiet ċivili jgawdu aktar Maltin u Għawdxin.

Hu kien qed jirreferi għall-bidliet li l-Gvern qed jipproponi fil-Liġi dwar id-Divorzju u li ghalihom, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkun qed tippreżenta għadd ta’ emendi …ghaliex thoss il-polz tan-nies.

Dwar dan, hu qal li hemm bżonn riga waħda għall-mod kif jingħata l-manteniment. Dan anke billi l-politiċi jagħmlu l-politika li jkollha l-ġid tal-persuna fil-qofol tagħha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fis-sena l-ġdida, il-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jgħin lil dawk fil-bżonn u jsahhah lil pajjizna. Għax ladarba l-Partit Laburista kasbar isem Malta, hu biss il-Partit Nazzjonalista li jista’ jreġġana lura għat-triq it-tajba.

Matul l-intervista, Bernard Grech irrefera wkoll għall-isfidi li pajjiżna wkoll sab ma’ wiċċu kawża tal-pandemija tal-Coronavirus. Qal li din is-sitwazzjoni biddlet ħajjet kulħadd għax ħadd ma stenna dak li kien se jiġri.

Min-naħa l-oħra, hemm min qed ibati aktar minn oħrajn … partikolarment minħabba s-solitudni. Qal li jiddispjaċih aktar meta jara kif f’ċirkostanzi bħal dawn, għad hemm ħafna persuni – partikolarment anzjani – li qed ibatu waħedhom.

Dwar il-vaċċin, hu esprima t-tama li dan jasal għand kulħadd kif suppost. Fl-istess waqt, irridu nifhmu li kulħadd irid jibqa’ jobdi l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa, ladarba l-vaċċin waħdu żgur li mhux se jsolvi kollox.

Bernard Grech innota kif l-għażla tat-Tesserati li hu jkun Kap tal-Partit Nazzjonalista biddlitlu ħajtu mhux ftit. Madankollu, jħoss li xejn ma jisboq is-sodisfazzjon li dak li jagħmel iħoss li qed iħalli l-frott.

Dwar l-isfidi għall-2021, Bernard Grech qal li jrid jara li l-Partit ma jkunx magħmul mill-Kap biss, iżda li l-organi kollha jaħdmu flimkien.

Kien f’dan il-kuntest – li ilu jtenni sa mill-kampanja għat-Tmexxija tal-Partit – li fil-ġimgħat li għaddew ingħata bidu għall-proċess ta’ tiġdid sħiħ … fil-Fergħat, fil-Kumitat Sezzjonali f’Jannar li ġej u anke b’ħatriet importanti li saru.

Mistoqsi dwar ir-reshuffle li għamel il-Gvern ftit tal-ġimgħat ilu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif il-Partit Nazzjonalista kien ilu jappella lill-Prim Ministru biex jara li Silvio Parnis jerfa’ r-responsabbiltà politika għall-mod kif il-pandemija laqtet partikolarment lill-anzjani.

Min-naħa l-oħra, hu tenna li jemmen fil-Membri Parlamentari kollha tal-Partit Nazzjonalista. U jekk isir reshuffle fix-Shadow Cabinet, dan isir biss biex jirrifletti u jwieġeb għat-tibdil li sar fil-Kabinett.

Filwaqt li wiegħed l-isbaħ xewqat lill-ħaddiema u l-voluntiera, kif ukoll lill-Maltin u Għawdxin ta’ rieda tajba, Bernard Grech wiegħed li fis-sena l-ġdida se jara li l-Partit Nazzjonalista jkompli jitlaqa’ man-nies il-ħin kollu.