Internazzjonali

It-Taħditiet ta’ Brexit: Qbil bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea biex jestendu l-proċess

Ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea qablu li jkomplu bit-taħditiet lejn ftehim kummerċjali għal wara Brexit wara telefonata, fl-aħħar sigħat, bejn il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.

Id-deċiżjoni ħalliet xaqq ta’ dawl li ftehim jista’ jintlaħaq ‘il quddiem minkejja l-indikazzjonijiet kuntrarji tal-aħħar jiem. Fil-fatt, il-kelliema għan-naħat ikkonċernati qalu, qabel, li ma kenux qed jistennew żblokk li seta’ jippermetti għal ftehim, wara s-sinjali preċedenti li n-negozjati ma kenux se jmorru ‘il hinn mil-lum (il-Ħadd).

Intant,  Johnson u von der Leyen, permezz ta’ stqarrija konġunta, qalu li ‘l-aktar ħaġa responsabbli, fiċ-ċirkustanzi, hi li l-partijiet interessati jestendu t-taħditiet minħabba r-rieda komuni li jintlaħaq riżultat’.

Magħruf ukoll li Johnson u von der Leyen, waqt it-telefonata, iddiskutew ‘numru ta’ issues ta’ interess komuni li baqgħu mhux solvuti’.

Fl-istess ħin, huma qablu biex jinfurmaw lin-negozjaturi rispettivi biex ikomplu bit-taħditiet fi Brussell ‘ħalli jaraw jekk jistax jintlaħaq ftehim anki f’dan l-istadju aħħari’.

Ftit tal-jiem ilu, Boris Johnson u Ursula von der Leyen kienu ltaqgħu fi Brussell u fejn, flimkien, fasslu l-ġurnata tallum bħala d-deadline għal deċiżjoni dwar jekk huma kellhomx jabbandunaw in-negozjati għal ftehim kummerċjali ta’ wara Brexit inkella jkomplux bil-proċess tat-taħditiet.

Fl-aħħar sigħat, il-Prim Ministru Johnson kien qed jiddiskuti l-iżvilupp mal-membri tal-Kabinett tiegħu.

Dan meta l-issues ‘kritiċi’ li jridu jkunu solvuti jinvolvu d-drittijiet tas-sajd, l-appoġġ għall-industrija mill-aspett governattiv u l-infurzar ta’ ftehim potenzjali bejn Londra uy Brussell.

Tkellem ukoll is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Dominic Raab li tenna li t-taħditiet dwar il-kummerċ bejn Londra u l-UE kienu għadhom ‘ibbilanċjati’. Madankollu, Raab insista li s-sajjieda Franċiżi mhumiex se jkollhom aċċess garantit għall-ibħra tar-Renju Unit f’każ ta’ no-deal mal-Unjoni Ewropea.

Ir-Renju Unit spiċċa minn membru tal-UE fil-31 ta’ Jannar li għadda iżda – permezz tas-sistema tat-tranżizzjoni – baqa’ marbut bir-regoli għall-kummerċ amministrati mill-Unjoni u li jridu jibqgħu validi sal-aħħar ta’ din is-sena.