Futbol Sport

Liverpool ifallu ċ-ċans li jitilgħu l-ewwel waħedhom wara draw ma’ Fulham

(Ritratt: EPA)

Liverpool tilfu l-opportunità li jaqbżu l-ewwel, waħedhom, fil-quċċata tal-Premier League meta, kontra kull mistenni, kellhom jikkuntentaw biss bi draw, 1-1, ma’ Fulham fi Craven Cottage. Fil-verità, Fulham kien jimmeritahom bis-sħiħ dan ir-riżultat u bi ftit aktar attenzjoni – u kalma quddiem il-lasta – huma setgħu ħadu l-punti kollha mill-konfront. Dan meta l-gowlkiper ta’ Liverpool, Alisson, kellu jwettaq numru ta’ saves diffiċli u bi sħabu ftit ikunu perikolużi għal partijiet kbar tal-logħba.

L-ewwel taqsima kienet kważi kollha ta’ marka ‘Fulham’ u ma kenitx daqstant sorpriża meta Bobby DECORDOVA-REID għamilhom 1-0 għall-Cottagers, li anki setgħu kabbru l-vantaġġ sal-mistrieħ. Liverpool, intant, kellhom għalfejn jirringrazzjaw lill-VAR għal deċiżjoni biex ma jingħatax penalty kontra tagħhom wara li kien deċiż li t-tackle ta’ Fabinho fuq Cavaleiro kien wieħed validu, u minkejja li l-plejer ta’ Liverpool kien għamel kuntatt mal-ballun u daqstant ieħor l-avversarji. Madankollu, Mo SALAH ingħata l-opportunità biex isalva punt għal Liverpool meta, 11-il minuta mit-tmiem, Aboubakar Kamara waqqaf il-ballun b’idejh fil-kaxxa fuq il-freekick ta’ Georginio Wijnaldum għal penalty ċar. Inkariga ruħu minnu l-attakkant Eġizzjan li ma falliex minkejja t-tentattiv iddisprat ta’ Alphonse Areola biex isalva.

Arsenal sofrew telfa oħra u b’hekk din kienet is-seba’ telfa tal-istaġun meta fl-Emirates Stadium tilfu 1-0 kontra Burnley. Il-gowl deċiżiv wasal fit-73 minuta permezz ta’ awto-gowl ta’ PIERRE-EMERICK AUBAMEYANG wara li l-Gunners sfaw jilgħabu b’għaxar plejer meta fit-58 minuta tkeċċa Granit Xhaka.

Leicester kisbu rebħa ta’ 3-0 fuq Brighton fejn issa telgħu fit-tielet post tal-klassfika punt taħt Tottenham u Liverpool. Il-gowls ta’ Leicester kienu skorjati permezz ta’ doppjetta ta’ JAMES MADDISON fis-27 minuta u fl-44 minuta u JAMIE VARDY fil-41 minuta.

Tottenham Hotspur tilfu żewġ punti prezzjużi fid-derby ta’ Londra ma’ Crystal Palace f’Selhurst Park, bid-dro finali, 1-1, ikun pjuttost diżappuntanti għat-tim ta’ Jose Mourinho minkejja li ilu ma jitlef fil-league għal 11-il logħba u għadu fl-ewwel post b’differenza ta’ gowls aħjar minn Liverpool Kienu Spurs li kisbu l-vantaġġ wara 23 minuta meta l-prolifiku Harry KANE ittanta xortih b’xutt minn barra l-kaxxa u bil-ballun jispiċċa fix-xibka, minkejja t-tentattiv tal-gowlkiper Guaita, li deher li kellu xi ftit tat-tort fil-gowl.

Intant, qabel il-gowl Guaita kienu wettaq sensiela ta’ saves tajbin fuq it-tentattivi ta’ Ndombele u Reguilon, bi Spurs, bla dubju, ikunu l-aktar tim impressjonanti fl-ewwel 45 minuta. Madankollu, Palace tjiebu ħafna wara l-mistrieħ, b’Eberechi Eze jolqot il-lasta u bl-Eagles ikomplu jinsistu sakemm Jeffrey SCHLUPP għamilhom 1-1, meta l-ballun spiċċa f’saqajh wara li l-gowlkiper Lloris ma żammx il-freekick ta’ Eze. Fl-aħħar minuti, is-sostitut ta’ Spurs Ben Davies laqat il-mimduda waqt li Guaita kellu jagħamel save spettakolari ieħor fuq il-freekick ta’ Eric Dier.

Southampton telgħu fit-Top Four tal-Premier League b’rebħa kbira, 3-0, fuq Sheffield United f’St Mary’s Stadium. Wara l-ewwel nofs-siegħa pjuttost kumbattuta, is-Saints kisbu l-vantaġġ minn Che ADAMS (34) li spara ġewwa mill-viċin – u bit-tieni gowl għal Southampton jasal f’nofs it-tieni taqsima meta, fuq tentattiv ta’ Stuart ARMSTRONG (65), il-ballun spiċċa fix-xibka wara li xxellef minn ma’ difensur tal-Blades. Sheffield United ma kellhom l-ebda risposta u seba’ minuti mit-tmiem, is-sostitut tas-Saints Natan REDMOND skurja l-isbaħ gowl tal-logħba b’xutt bid-dawwra wara li bidel il-ballun ma’ Romeu.

PREMIER LEAGUE
Il-Ġimgħa: Leeds v West Ham 2-1 Ilbieraħ: Wolves v Aston Villa 0-1, Newcastle v WBA 2-1, Man Utd v Man City 0-0, Everton v Chelsea 1-0 Illum: Southampton v Sheff. Utd 0-3, C. Palace v Tottenham 1-1, Fulham v Liverpool 1-1, Arsenal v Burnley 0-1, Leicester v Brighton 3-0