Eluf ta’ sostenituri tal-President Amerikan Donald Trump, fi tmiem il-ġimgħa, ħarġu jipprotestaw f’numru ta’ bliet Amerikani bil-għan li jwasslu l-messaġġ li l-elezzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza tal-pajjiż kienet imtappna bi frodi.
Intant, fl-aħħar sigħat seħħew numru ta’ konfronti bejn dawn id-dimostranti u gruppi ta’ nies li riedu jwasslu messaġġ kuntrarju għall-partitarji ta’ Trump.
Donald Trump tilef l-elezzjoni tat-3 ta’ Novembru fil-konfront tal-kandidat Demokratiku Joe Biden iżda fl-ebda ħin ma ammetta t-telfa. Intant, l-aħħar dimostrazzjonijiet mill-partitarji tiegħu f’Washington irriżultaw f’numru ta’ arresti u inċidenti fejn xi nies spiċċaw jaqilgħu daqqiet ta’ sikkina.
Il-Kulleġġ Elettorali – bħala s-sistema li teleġġi lill-Presidenti Amerikani – għandu jikkonferma r-rebħa ta’ Joe Biden proprju għada. Dan meta Biden kiseb 306 vot kontra l-232 vot għal Trump fil-Kulleġġ Elettorali – bil-kandidat Demokratiku anki jikseb seba’ miljun vot aktar minn Trump fil-vot popolari.
//= $special ?>