Lokali

Edward Scicluna jibqa’ ma jgħidx kif se jsewwi l-ħsara li saret lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna – PN


Waqt il-laqgħa tal-Kumitat dwar il-Ħatriet Pubbliċi Edward Scicluna baqa’ ma weġibx kif il-ħatra tiegħu bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta se tgħin biex tissewwa l-ħsara li saret lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna matul iż-żmien li huwa serva bħala Ministru tal-Finanzi.

Fi stqarrija permezz il-Partit Nazzjonalista permezz tal-Membri tal-Kumitat dwar il-Ħatriet Pubbliċi, Carm Mifsud Bonnici, Karol Aquilina u Kristy Debono, mill-ġdid jisħaq li Edward Scicluna ma jista’ qatt ikun is-soluzzjoni għall-problemi li ħoloq hu stess flimkien ma’ Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi u Chris Cardona meta f’seba’ snin kissru u żarmaw l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.

Edward Scicluna baqa’ ma spjegax kif se jiżgura li pajjiżna jgħaddi mit-test tal-Moneyval u kif il-Bank of Valletta se jibqa’ jkollu correspondent bank fid-dollaru Amerikan. Lanqas ma spjega kif il-Pulizija għandhom s’issa ma ħadu l-ebda azzjoni konkreta b’rabta ma’ rapporti tal-FIAU dwar persuni fdati bit-tmexxija ta’ pajjiżna. Fuq kollox Edward Scicluna baqa’ ma kkundannax id-deal tal-bejgħ tat-tliet sptarijiet pubbliċi lil Vitals minkejja li ftit tal-ġranet ilu l-Awditur Ġenerali stqarr fil-Qorti li dan id-deal ma kellu jsir qatt.

L-Oppożizzjoni tinnota li quddiem dan kollu, l-Gvern Laburista baqa’ jinjora s-sejħiet tal-Oppożizzjoni biex tinstab persuna oħra minflok Edward Scicluna sabiex bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali tkun tista’ tgħin biex tissewwa l-ħsara li saret lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna matul l-aħħar seba’ snin.