Internazzjonali

Il-Covid-19 fl-Istati Uniti….Jibda l-ewwel tilqim bħala parti minn ‘programm storiku’

Fl-Istati Uniti bdew jingħataw l-ewwel tilqim bil-vaċċin għal kontra l-Covid-19, bil-pajjiż qed jirranka għall-akbar kampanja ta’ immunizzazzjoni fl-istorja tiegħu.

Intant, Sarah Lindsay ( ritratt) — infermiera li taħdem fil-qasam tal-kura intensiva fi sptar ta’ Long Island (New York) — saret l-ewwel persuna li ngħatat it-tilqima.

Dan meta, bħalissa, qed jitqassmu miljuni ta’ dożi tal-vaċċin ta’ Pfizer/BioNTech, b’150 sptar fl-Istati Uniti msitennija jmexxu l-programm tat-tilqim fis-sigħat li jmiss.

Il-programm tat-tilqim fl-Istati Uniti mistenni jkopri mal-100 miljun persuna sa April…. Dan meta l-imwiet mill-Covid-19 fl-Istati Uniti avviċinaw it-300,000 u li, bla dubju, hi l-akbar ċifra ta’ vittmi minn din il-marda fost il-pajjiżi kollha tad-dinja.

Il-vaċċin ta’ Pfizer/BioNTech, jiem ilu, kien ingħata l-awtorizzazzjoni ta’ emerġenza biex jitqassam lill-poplu Amerikan mingħand il-Food and Drug Adminsitration (FDA) tal-Istati Uniti.