Lokali

Il-Perit André Pizzuto elett President tal-Kamra tal-Periti

Matul il-Laqgħa Ġenerali Annwali li nżammet fl-10 ta’ Diċembru, il-Perit André Pizzuto kien elett President tal-Kamra b’mod unanimu. Huwa serva fil-Kamra tul dawn l-aħħar 6 snin, fejn xpruna l-pubblikazzjoni tal-proposti tal-Kamra għal qafas regolatorju modern għall-bini u kostruzzjoni f’Malta. Huwa kien ukoll il-persuna nkarigata bit-twaqqif tal-Premju Emanuele Luigi Galizia.

Fl-indirizz tiegħu, huwa semma tlett aspetti li se jikkaratterizzaw it-tmexxija tiegħu. Dawn huma:

• it-tisħiħ fl-organizazzjoni tal-Kamra biex ikollha l-kapaċita’ neċessarja li tiġġenera riżorsi adegwati biex taqdi l-membri tagħha b’mod xieraq;
• sforzi ġodda ta’ ristruttutar fl-industrija tal-bini u l-qafas leġiżlattiv tagħha; u
• ħeġġa ġenwina lejn il-modernizzazjoni tal-professjoni biex din tkun tista’ tilqa l-isfidi mposti mittibdil fil-klima, id-diġitalizzazzjoni tad-disinn u informazzjoni, u t-teknologiji ġodda fil-kostruzzjoni.

Dr Amber Wismayer ġiet eletta Vici President. Hija ilha sservi fir-rwol ta’ Segretarja Onorarja tal-Kamra sa mill-2013, u ser tibqa’ f’din il-kariga sa l-aħħar tal-2021.

Il-Laqgħa Ġenerali eleġġiet ukoll żewġ membri ġodda tal-Kunsill, il-Perit Matias Camilleri de Marco u l-Perit Adrian Mangion, filwaqt li rrikonfermat lill-Perit Dr Jeanette Muñoz Abela u l-Perit Toni Bezzina li hu membru Parlamentari tal-PN u Kelliem tat-Trasport, Infrasturttura u proġetti kapitali.

Matul il-Laqgħa, ġiet imħabbra l-ħatra tas-sur Kevin J. Borg bħala Direttur Maniġerjali tal-Kamra tal-Periti. Huwa ġie inkarigat bl-implimentazzjoni ta’ Business Plan dettaljat u ħolistiku għall-tlett snin li aktar kmieni din is-sena kien ġie approvat mill-Kunsill.

Il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Kamra tal-Periti nżammet fl-10 ta’ Diċembru 2020, l-għada li l-Att li jirregola l-Periti tressaq għat-Tieni Qari fil-Parlament.

Fi tmiem il-kariga tagħha bħala President, il-Perit Simone Vella Lenicker laqgħet dan l-iżvilupp importanti waqt l-ewwel Laqgħa Ġenerali Annwali virtwali fl-istorja talKamra. Hija stqarret li din il-leġiżlazzjoni l-ġdida għandha rabta mill-qrib mal-isfidi li qed tiffaċċja il-professjoni u l-bqija tal-industrija tal-kostruzzjoni. Hija tat kont tad-diverġenzi li għad hemm fuq żewġ aspetti tal-liġi li jirrigwardjaw (1) l-allinjament tal-perjodu ta’ responsabbiltà mal-medja Ewropeja u ma’ prodotti ta’ assikurazzjoni disponibbli fis-suq, u (2) il-metodu ta’ ħatra tal-Bord għall-Imġieba Professjonali.

Ritratt: Martin Agius