F’maratona ta’ sitt sigħat u nofs Keith Schembri qal fil-Qorti li huwa qatt ma ħeba xejn lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Kien ħabib kbir tiegħu u għadu sal-lum. Kien hu li prattikament ħajru li jidħol fil-politika u kienu jafdaw lil xulxin. Mix-xhieda tiegħu wkoll Schembri ammetta li Joseph Muscat gideb meta kien qal li huwa sejjaħ elezzjoni minħabba Egrant.
Keith Schembrri kien l-aħħar xhud fl-inkjesta pubblika dan wara wkoll xi battibekki bejn il-parte civile u l-Avukat tal-Istat. Punt ieħor li ħareġ mix-xhieda meta kien mistoqsi mill-Avukat Jason Azzopardi jekk kienx jaf ta’ min hi l-kumpanija 17 Black meta Daphne Caruana Galizia kienet l-ewwel ħarġet l-aħbar mingħajr ma ssemmew ismijiet, Keith Schembri qal li iva kien jaf li 17 Black hija ta’ Yorgen Fenech u lil Muscat ma kien qallu xejn.
L-Avukat Jason Azzopardi staqsa lil Schembri kienx lest li jeżenta lil Nexia BT mis-sigriet professjonali, bħala l-klijent tagħhom. Schembri qal li m’għandu l-ebda problema. Mistoqsi meta kienet l-ewwel darba li sar jaf min kien is-sid ta’ 17 Black?
U hawn l-Avukat Azzopardi jgħid lix-xhud li din l-aħbar ħarġet l-ewwel darba fi Frar tal-2017 meta kitbet dwarha Daphne Caruana Galizia, imma ma qalitx ta’ min hi. Schembri tenna li f’dak il-punt kien jaf li 17 Black kienet ta’ Yorgen Fenech.

Dwar jekk lil Muscat qallux fuq is-sid, jew jekk il-Prim Ministru staqsiehx fuq dan. Schembri sostna… “Ma staqsinix u ma ħassejtx il-bżonn li ngħidlu. “I downplayed it for obvious reasons f’moħħi… issa ngħid forsi għamilt żball.”
Azzopardi kompla jagħfas għal aktar dettalji dwar il-kronoloġija li tirrigwarda 17 Black dwar meta Schembri sar jaf. Azzopardi jgħidlu: “Tgħid li ma kinitx aħbar għalik fi Frar 2017 meta Caruana Galizia semmiet il-kumpanija għall-ewwel darba. Meta qabel dik id-data kont taf min kien sidha? Bejn April 2016 u 2017? ” Bi Schembri jwieġeb: “100 fil-mija”.
Aktar qabel fix-xhieda tiegħu Keith Schembri qal li lil Joseph Muscat kien qallu dwar l-istrutturi biss ladarba ġew żvelati l-Panama Papers fuq il-media.
Qal li ma jafx eżatt meta kien infurmah eżatt. Lanqas ma jaf jekk kien qallu meta ħareġ li kien hemm l-involviment ta’ Yorgen Fenech. “Li huwa żgur li dejjem għidtlu li dik il-kumpanija mhix se tagħmel negozju ma’ Malta, m’għandha x’taqsam xejn ma’ Malta,” qal ix-xhud.
Mhux minnu li Edward Scicluna ma kienx involut fil-proġett tal-Electrogas
“Ma rridx nikkontradixxi lill-Ministru Edward Scicluna imma qed ngħid dak li naf jien.” Keith Schembri bil-kontra ta’ dak li qal fil-Qorti l-eks Ministru tal-Finanzi li ma kienx involut fil-proġett tal-Electrogas, tenna li Sciclina kien involut sa mill-ewwel ġurnata.
“Ma tarax li l-Gvern se jidħol fi proġett bħal dan mingħajr ma jinvolvi lill-Ministru tal-Finanzi!” saħaq Schembri. Ix-xhud qal li jixtieq li l-Bord jara l-minuti tal-Kabinett, għax kollox ġie ppreżentat fil-Kabinett, mill-bidu sal-aħħar.
Keith Schembri wkoll jgħid li mhux minnu dak li qal Scicluna dwar kitchen cabinet. “Qatt ma eżista kitchen cabinet, bħala Chief of Staff ngħid li l-Kabinett kien maqsum fi tlieta: Ministri li għandhom l-orgolju u l-inizjattiva, Segretarji Parlamentari b’dak l-orgolju fuq id-dekasteru tagħhom biss, u oħrajn li trid timbuttahom biex tieħu li trid mingħandhom.
“Li tgħallimt ukoll mill-Management, jekk ikun iħobbok kulħadd ma tkunx irnexxejt u jkollok problema. Ġieli kont iebes. Jekk dhert ikrah, u rfist is-swaba’, dak kien parti minn xogħli,” qal Schembri.
L-Avukat Comodini Cachia tistaqsi jekk huwiex involut fil-proġett, kif tispjega email partikolari. Fl-email issir referenza ċara għal Schembri. Dan l-email isemmi laqgħa ma’ Yorgen Fenech. Fl-email kien hemm id-direzzjoni ‘l quddiem għas-self fil-proġett. Comodini Cachia tistaqsih kif inhu kkupjat f’dan l-email.
Ix-xhud qal li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru jidħol f’kollox. Hawn l-Avukat staqsiet kif ma ħassx il-ħtieġa addizzjonali li jmeri l-email. Schembri qal li ma kellux għalfejn imerih. Saħaq li ‘there’s a fine line’ bejn li tkun ħabib u l-pożizzjoni tiegħu. “Urejtha dejjem, mill-bidu sal-aħħar. Imbilli tkun ħabib ma’ xi ħadd ma jfissirx li tgħinu fin-negozju”, huwa sostna.
Mistoqsi jekk Konrad Mizzi qattx mar għandu biex jiddiskuti l-vijabbiltà tal-proġett, Schembri wieġeb billi qal li għamel dan fil-preżenza ta’ membri oħra tal-Kabinett biss.
Dwar jekk staqsiehx lil Yorgen Fenech għaliex qed idum il-proġett u għaliex mhux bankable, huwa wieġeb fin-negattiv. Comodini Cachia staqsiet lil Schembri kif sar jaf lil Cheng Chen, huwa qal li kien iltaqa’ darba miegħu f’Shanghai waqt laqgħa ta’ xi 30 ruħ.
Meta ġie Malta, kienu preżenti t-tnejn f’laqgħa f’Kastilja. Saħaq li m’għandux rabtiet kummerċjali miegħu. Dwar min introduċa lil Cheng Chen għal ma’ Nexia BT? ix-xhud qal li żgur mhux hu.
L-Avukat Comodini Cachia qrat mir-rapport tal-Egrant, fejn hemm indikazzjoni li Schembri kellu jkollu laqgħa ma’ Cheng Chen. Ix-xhud qal li din il-laqgħa ma saret qatt u ma ddiskuta xejn ma’ Cheng Chen fuq dawn l-affarijiet.
Qal ukoll li tilef ħafna informazzjoni li kellu bżonn u li hu m’għandux l-emails issejvjati xi mkien, pereżempju fuq l-iCloud. Qal ukoll li sar jaf lil Ali Sadr, fl-2013. Kien mar ma’ rappreżentant ta’ Deloitte fl-uffiċċju ta’ Keith Schembri.
M’għandu l-ebda rabtiet ma’ Sadr iżda kien mistieden għat-tieġ tiegħu
Qal li ma għandu l-ebda rabtiet ma’ Ali Sadr. Kellu kont bankarju wieħed fil-Bank Pilatus li jgħid li kulħadd jaf x’fih. Comodini Cachia staqsiet lix-xhud dwar artiklu ta’ Daphne Caruana Galizia li jgħid li Schembri ċempel lil Ali Sadr l-għada li Sadr ħareġ bill-Bank Pilatus bil-bagalji.
Caruana Galizia kienet qed tikkwota lil persuna li kienet qed tara t-telefown ta’ Ali Sadr. “Min kienet il-persuna, tistaqsi l-Avukat?” Bit-tweġiba tkun li l-blogg ma jsemmix il-persuna u li hu mhux se jikxef sorsi.
Huwa qal ukoll li Maria Efimova kienet, li gidbet fuq hekk, kif gidbet fuq affarijiet oħra. Dwar dan qal li jinsab ċert mija fil-mija. Huwa ikkonferma wkoll li hu kien mistieden għat-tieġ ta’ Ali Sadr bħala ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.
Dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Christian Kalin ta’ Henley & Partners. Tenna li ltaqa’ miegħu diversi drabi f’Malta, u l-ewwel darba li ltaqa’ miegħu kienet qabel l-iskema taċ-Ċittadinanza b’Investiment, imma ma tkellmux fuq dan.
Saħaq li ddiskutew kif l-iskema taċ-ċittadinanza tal-Gvern Nazzjonalista kellha tinbidel għax ma kinitx qed taħdem sew. Dwar referenza għal emails bejn Schembri, Muscat, Kalin u Owen Bonnici.
Għal passi legali fil-konfront ta’ Caruana Galizia, Muscat qal, “I don’t object.” Schembri qal, “Good move Chris” u x’wasslu biex jiddiskuti ma’ Henley & Partners kif għandhom jipproċedu kontra ġurnalista?”
Jgħid li ħass dak iż-żmien li Kalin ma kien qed jagħmel xejn ħażin biex jiddefendi l-interessi tiegħu. Dwar jekk kellux ġurnalisti aktar qrib tiegħu minn oħrajn, Schembri qal li dan jeżisti bħal f’kollox.
Pressjoni mill-ġurnalisti
Dwar jekk kellux ġurnalisti li kien iċemplilhom biex jgħidilhom x’qed jiġri u jgħidilhom li jistgħu jieħdu spunt partikolari mill-istorja, Schembri jgħid li jħoss li kien fl-irwol tiegħu bħala Chief of Staff.
Dwar il-ġurnalisti jemmen għax għexha li dawn jew xi edituri tal-pajjiż iridu jagħmlu distinzjoni bejn jekk humiex ġurnalisti jew lobbyists. Kien ikollu ġurnalisti li jagħmlu lobbying biex isiru proġetti.
Fuq jekk jingħatawx programmi fuq it-televixin fost affarijiet oħra huwa qal li kien hemm minnhom anke jekk mhux ħafna. Ippressat mill-Avukat Comodini Cachia għal min qed jirreferi, qal li mhux l-ewwel darba li mar Saviour Balzan jagħmel lobbying għal programmi fuq it-televixin.Tenna li ma ġratx darba din, imma ġrat b’mod normali.
Dwar il-blogg ta’ Glenn Bedingfield, Schembri qal li mhux bilfors dejjem qabel ma’ li kiteb Bedingfield u ċerti bloggs kienu sensittivi. Qal li jekk etika jew le, ma jistax jgħid. Jemmen iżda li kull persuna għandha l-libertà tal-espressjoni.
Schembri xehed li ma kellu l-ebda involviment fil-paġna Taste Your Own Medicine. Din ma kinitx parti mill-kampanja tal-Partit Laburista, huwa qal. Dwar il-kummenti ta’ Daphne Caruana Galizia qal li għandu żewġ kpiepel wieħed tiegħi u familtu, u ieħor ta’ persuna li jmexxi l-kampanja tal-PL.
Qal li kull meta kienet tikteb b’mod iebes fuq il-PL, fin-numri bħala appoġġ għall-partit, id-distakk kien dejjem jiżdied. Meta kienet tattakka lilu personali kien jiddejjaq ħafna.
Kompla jgħid li hemm ma jaqbilx ma’ dak li qal Joseph Muscat. Ma kinitx irrelevanti, anzi kienet relevanti ħafna. Xogħlu kien li jwassal lill-PL għall-elezzjoni, u ironikament, il-kitba tagħha, kienet tgħinu mhux ftit.
Dwar l-aħħar laqgħa tas-Servizzi Sigrieti li attenda għaliha huwa qal li qatt ma kien preżenti laqgħa fejn ma ġiex mitlub jattendi. Dwar dan iżda jista’ jixhed bil-magħluq, minħabba l-kumpilazzjoni għadha għaddejja, u l-involviment ta’ terzi persuni.
Ma jwieġibx għaliex Nexia BT bdew jingħataw ħafna direct orders
L-Avukat Jason Azzopardi jistaqsi lil Schembri għaliex il-Gvern baqa’ jagħti ħafna direct orders lil Nexia BT minkejja l-ħsara li dawn l-awdituri għamlu lil Malta. “Ma nistax nirrispondiha,” qal Schembri.
Dwar jekk kienx hemm xi obbligu lejn Nexia BT, ix-xhud wieġeb fin-negattiv u ċaħad ukoll li huma kellhom uffiċċju Kastilja. Tenna li kienu jkunu hemm bħal awdituri oħra.
Schembri qal ukoll li l-pariri li ngħata kienu li ma setax juża l-kumpaniji li diġà kellu fl-Ingilterra u f’Ċipru, minflok ma jiftaħ kumpanija oħra fil-Panama. Qal ukoll li meta sar jaf, qal lil Nexia BT biex iwaqqfu x-xogħol kollu. Madankollu tenna li ma setax iwaqqfilhom il-kuntratti mal-Gvern.
Qal li Konrad Mizzi kien staqsih hu x’għamel u l-eks Chief of Staff ikkonferma li hu tkellem fuq dil-problema li kellu mal-BOV ma’ diversi nies, fosthom ma’ Konrad Mizzi.
Kien hemm persuni fil-kabinett li trid timbuttahom biex jaħdmu
“Qatt ma eżista kitchen cabinet, bħala Chief of Staff ngħid li l-Kabinett kien maqsum fi tlieta: Ministri li għandhom l-orgolju u l-inizjattiva, segretarji parlamentari b’dak l-orgolju fuq id-dekasteru tagħhom biss, u oħrajn li trid timbutta timbutta biex tieħu li trid mingħandhom.
Li tgħallimt mill-maniġment, jekk ikun iħobbok kulħadd ma tkunx irnexxejt. Ġieli kont iebes. Jekk dhert ikrah, u rfist is-swaba’, parti minn xogħli. They all mean well.”
Dwar kif ħassu meta Yorgen Fenech kien persuna ta’ interess fl-investigazzjoni dwar il-qtil u meta sa jaf, qal li mhux konxju ta’ meta. Saħaq li kien xokk kbir għalih li sar jaf b’dan.
Sostna li għamel sena tat-twerwir. Kien hemm bżonn ta’ attenzjoni kbira u fl-istess ħin kien ħabib tiegħu u ried joqgħod attent kif għandu jagħmel. Kelli jpoġġi s-siġġu l-ewwel. F’sena ma tista’ tiftaħ qalbek ma’ ħadd. Kienet trawma huwa qal.
Ix-xhud qal li mhuwiex konxju meta sar jaf bl-involviment ta’ Melvin Theuma fl-assassinju. L-Avukat Azzopardi staqsa kienx bejn Ottubru u Diċembru tal-2017, bix-xhud jgħid li kien ħafna wara.
Schembri ikkonferma li kien hemm konverżazzjoni bejnu, bejn Joseph Cuschieri, Silvio Valletta, Kenneth Azzopardi, u Yorgen Fenech. Tenna li mar għand Joseph Muscat deċiż li se jirriżenja s-sena l-oħra, fis-26 ta’ Novembru tal-2019.
L-Avukat Jason Azzopardi staqsa dwar ir-relazzjoni ta’ Schembri ma’ Yorgen Fenech. Huwa staqsa jekk ħassx li qatt naqas tah xi nformazzjoni. Schembri ċaħad dan kollu.
Il-mistoqsijiet daru fuq it-telefonata lejliet l-arrest tiegħu. Schembri jgħid li kien ċar li Fenech kien qed jippjana li jitlaq iżda ċaħad li kien hu li tah l-informazzjoni li kien imminenti arrest.
Mistoqsijiet wara kienu fuq ir-razzett f’Ħaz-Żebbuġ ta’ Yorgen Fenech. Huwa qal li kien raha u anke qalulu li kien ikun hemm ħafna persuni magħrufu li kienu jattendu regolarment.
Huwa ċaħad ukoll allegazzjonijiet li kien jitma’ lil Saviour Balzan informazzjoni dwar l-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dwar il-ftehim tal-Montenegro u l-vjaġġi sigrieti ta’ Konrad Mizzi huwa qal li ma kienx jaf bil-visti ta’ Konrad Mizzi.
Schembri ikkonferma li sar jaf bil-leak tal-Electrogas f’Marzu 2017. Qal ukoll li fi Frar jew Marzu, il-partit iddeċieda li se jsejjaħ l-elezzjoni u dan mhux biss minħabba dak li ġara, iżda minħabba li l-polls kienu qegħdin jindikaw rebħa kbira. Huwa kkonferma li l-Gvern ġab lil Chengate biex imexxi ‘l quddiem ir-reputazzjoni tiegħu wara l-assassinju.
M’għandux fiduċja fil-banek Maltin
Meta kompew il-mistoqsijiet mill-Avukat Azzopardi fejn hawn irrefera għal artiklu tat-Times mill-2016. Il-ġist hu li kemm Mizzi u Schembri riedu jevitaw banek Maltin.
Schembri tenna billi qal li kien tilef il-fiduċja fil-banek Maltin. Ħa ngħid xi ħaġa personali… L-ID card number tiegħi għal żmien kien blocked mis-sistema tal-isptar. Ma setgħux jaċċessaw dokumenti tiegħi. I lost trust.”
Dwar Frar tal-2019 tkellem dwar komunikazzjoni bejnu u Yorgen Fenech dwar il-fatt li ħabib tiegħu ħa kariga importanti fil-Gvern tal-Bangladesh u kkonferma u li Fenech mar il-Bangladesh.
Tenna li dan mhux l-istess proġett li semma qabel. Il-proġett ta’ Fenech kien powerstation, filwaqt li Schembri kellu aspirazzjonijiet għal negozju marittimu.
Fix-xhieda tiegħu huwa qal ukoll. “Jien diġà kelli struttura offshore u dan qabel ma dħalt fil-politika u wara ftaħt trust mal-BOV. Numru ta’ nies kienu qaluli li l-Partit Nazzjonalista kien jaf b’dan kollu u l-ammonti ta’ flus fiha.
“Ktibt lill-eks Chairman tal-BOV John Cassar White. Qalli li nfetħet investigazzjoni iżda ma setax jiggarantixxi li ma kien hemm l-ebda leak. Wara beda jfittex għall-pariri,” qal Keith Schembri lill-Bord ta’ Inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Schembri qal li għandu diversi kumpaniji u kontijiet internazzjonali oħra, xi wħud fil-British Virgin Islands, waħda fir-Renju Unit, u oħrajn f’Ċipru. Mistoqsi kemm għandu kumpaniji b’kollox, qal li ma jafx.
Schembri qal li offra r-riżenja tiegħu numru ta’ drabi, u dan meta ġie djanjostikat bil-kanċer. Huwa qal li daħal lura fix-xena meta kien hemm il-ħtif tal-Afriqiyah Airways.
Jafda lil Nexia BT
Fuq Nexia BT, Schembri qal li dawn kienu awdituri tiegħu mindu kellu 17-il sena. Kiber magħhom u jafdahom. Meta l-Bord qalulu li Karl Cini u Brian Tonna minn Nexia BT ma wieġbu għal xejn fl-inkjesta pubblika, Schembri qal li hu mgħandu xejn x’jaħbi.
“Jien qatt ma immaġinajt li se ndum daqshekk Chief of Staff,” qal ix-xhud bil-Prim Imħallef Emeritu jgħidlu li ħoloq ħafna inkwiet għalxejn. “Għalija imma,” wieġeb Schembri.
“Inkun waħdi u ngħid kienet worth it? Ngħid le, ma kinitx worth it. Imma mbagħad inħares lejn il-pajjiż, lejn in-numri. Kulħadd isemmi l-korruzzjoni. Gvern korrott ma joħloqx surplus. Ħloqna erba’ surpluses wara xulxin.”
Huwa qal li dan wara mistoqsijiet li saru mill–istess Bord fuq in-negozjati offshore ta’ Schembri li kien iddikjarat li fil-kont tiegħu kienu se jidħlu €50,000 fix-xahar.
Kien ingħata parir li jiftaħ trust fi New Zealand
Il-parir kien li jiftaħ trust fi New Zealand u jittrasferixxi fondi barra l-pajjiż. “Mossack Fonseca qalilna li l-iktar mod mgħaġġel kien li tgħaddi mill-Panama. L-imħallfin dehru mħawda u ma bdewx jifhmu. Allura Nexia BT iddeċidiet hi waħedha l-figura u int ħallejthom?, staqsa l-Bord. Bi Schembri jgħid – “Ma nistax inwieġeb għal dak.”
Dr Comodini Cachia tistaqsi lil Schembri jekk kellux interess fil-Bangladesh. Qal li flimkien ma’ pajjiżi oħra, ra l-Bangladesh bħala pajjiż li għadu qed jiżviluppa u li fih potenzjal.
“Naf li Yorgen Fenech kien se jagħmel xi ħaġa l-Bangladesh u waħda mir-raġunijiet kienet li nesplojtjaw il-kuntatti li kellu hemmhekk.” Schembri saħaq li kien ikun bilqiegħda f’xi laqgħat u jisma’ xi figuri u jara fejn hemm lok għal negozju.
Comodini Cachia tistaqsi, kif kien ikun f’xi laqgħat bħala Chief of Staff u mbagħad juża l-figuri li jisma’ għan-negozju privat tiegħu. Schembri joġġezzjona. Isemmi, pereżempju, li jattendi seminars tal-Malta Gaming Authority. “Mela ħajti spiċċat għax kont Chief of Staff? “, huwa qal.
Tenna li hu qatt ma kellu negozju ma’ Yorgen Fenech. Mistoqsi jekk Yorgen Fenech kienx ħabib tiegħu, Schembri jgħid, “Għandi ħafna ħbieb jien u qatt ma nnegajt li kien ħabib tiegħi, kif kien ħabib ma’ ħafna, ridt nagħmel negozju marittimu u infrastrutturali miegħu.”
Comodini Cachia tagħti lil Schembri dokument. Huwa dokument KYC għal Tilgate biex tiftaħ kont bankarju. Jgħid li l-ebda assi ma jitqiegħdu fil-kumpanija. Hija qalet li dan imur kontra dikjarazzjonijiet preċedenti ta’ ‘chembri. Madankollu, huwa jgħid li l-assi kienu sejrin għat-trust
Comodini Cachia tistaqsi dwar mistoqsijiet tal-ICIJ mibgħuta lilu dwar il-kumpaniji. Schembri jikkonferma li huwa qabbad lil Schillings, kumpanija tal-immaniġġjar tar-reputazzjoni fir-Renju Unit, biex tagħmel kuntatt ma’ Mossack Fonseca u tieħu ħsieb il-kwistjoni.
Speċi taż lapsus minn Schembri meta qal li hemm ittri identiċi miktuba minn Schilling għal Konrad Mizzi u hu lill-ICIJ u lil Mossack Fonseca, anke jekk qabel qal li ma kellu l-ebda idea tal-involviment ta’ Mizzi fil-każ.
Imbagħad qal li hemm ittra ta’ Mizzi imma ma jixtieqx jgħid kif jaf. Huwa jgħid li huwa għarfien pubbliku u jgħid lill-bord biex isibuh huma stess bil-Bord jgħid li dan mhux aċċettabbli.
Keith Schembri ikkonferma wkoll li ħadem fil-grupp tal-enerġija tal-Partit Laburista qabel l-2013. Madankollu, ma jiftakarx min kien iktar f’dan il-kumitat.
Schembri ikkonferma li l-kumpanija tiegħu ħadet offerti ta’ €400,000 ewro waqt li serva bħala chief of staff. “Jien għamilt iktar taħt l-amministrazzjonijiet tal-PN,” huwa qal.
Mistoqsijiet mill-Avukat Therese Comodini Cachia qalbu fuq Crane Currency, u hawn Schembri kkonferma li t-tekniċi tal-kumpaniji tiegħu jipprovdulhom manutenzjoni. Schembri ikkonferma wkoll li kellu klijenti mal-MCAST, il-Bank Ċentrali, u entitajiet oħra tal-Gvern.
Schembri qal li mhux konxju minn uħud mid-dokumenti tal-Panama Papers li jsemmuh. Il-bord qed isibha diffiċli biex jemmen, minħabba l-affermazzjonijiet ripetuti tiegħu li huwa negozjant serju. Schembri mbagħad qal li l-ebda firma tiegħu, li tinsab fuq id-dokumenti kollha, ma ġiet iffalsifikata.
Tillgate
Schembri qal li diġà kien Chief of Staff meta fetaħ din il-kumpanija. Qal li ta struzzjonijiet lill-awditur tiegħu iżda ma ta l-ebda data. Qal li dak it-trust ma kellu x’jaqsam xejn ma’ trusts oħra, u lanqas ma’ Konrad Mizzi.
Schembri staqsa lill-Bord kif ma jistaqsihx dwar Macbridge u saħaq li żeffnuh fin-nofs l-awdituri iżda ma staqsiex lill-awdituri meta qabdu jgerfxu ammonti, Qal li ssemmew ammonti u jimplikawh fi trusts. L-Imħallef Lofaro tikkummenta li kieku kienet floku, kienet tkeċċihom.
Meta mistoqsi għaliex ma keċċihomx, qal li mhux faċli li wieħed jagħmel dan. Meta mistoqsi mill-Avukat Therese Comodini Cachia jekk qatt ipprova jibdew l-awditur, Schembri wieġeb li din mhijiex domanda relevanti.
Mistoqsi meta ffirma l-akkwist ta’ Tillgate, Schembri jgħid li ma jiftakarx. “Bħalha għandi 20 oħra. Ma nafx id-dati eżatti.” Schembri kompla, “Meta bdejt nara dan kollu, mort fuq Nexia BT u għidtilhom, ‘Ieqfu.’ Jien la qatt kont ikkupjat u lanqas kont naf.”
Huwa qal li lil Nexia BT tahom carte blanche biex jiftħu l-assi ħalli jkun jista’ jibda l-proċess li jittrasferixxi l-kumpaniji tiegħu New Zealand. Il-Bord staqsa lil Schembri kif jispjega li Nexia BT fetħet il-kontijiet ta’ Schembri u Konrad Mizzi b’mod parallel.
Huwa wieġeb billi qal li qatt ma ta direzzjoni biex l-istruttura tiegħu tkun bħal ta’ Konrad Mizzi. Ma kien fl-ebda interess tiegħu li joqgħod jgħidlu x’se jagħmel .
L-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri qal li kienu hu li ħajjar lil Muscat biex jidħol fil-politika u li kienu u għadhom sal-lum ħbieb kbar. Huwa qal dan meta beda jixhed fl-inkjesta pubblika fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia dalgħodu.
Fil-bidu l-Bord ta’ Inkjesta staqsa jekk Keith Schembri jinsabx bil-police bail u filwaqt li huwa kkonferma dan ingħata l-fakultà skont il-liġi li ma jweġibx għal domandi li jiġi mistoqsi biex ma jinkriminax lilu nniffsu. Tenna iżda li huwa lest li jwieġeb għad-domandi kollha.
Schembri qal li qed jiġi investigat dwar inkjesta li kienet infetħet fuq il-kummissjoni ta’ €100,000 fuq passaporti, u fuq chats bejnu u bejn Yorgen Fenech. Keith Schembri qal ukoll li ħadd ma reġa’ kellmu fuq l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia minn sena ilu ‘l hawn.
Dwar kif beda fil-partit ix-xhud qal li wara s-sixth form, ma fetaħx il-kors tal-liġi u għamel sena u nofs jaħdem bħala ġurnalist volontarju mas-Super One.
Joseph Muscat kien staqsieh u wera interess li jidħol mas-Super One wkoll. Evarist Bartolo dak iż-żmien kien Kap tal-Aħbarijiet u aċċetta li Muscat jidħol jaħdem magħhom. Tenna li kienu tnejn minn seba’ persuni li bdew il-gazzetta KullĦadd.
Mistoqsi kienx hu li introduċa lil Muscat fil-Partit Laburista, Schembri jgħid li jaħseb li minn hemm bdiet il-ħajra ta’ Muscat u fejn kienu u għadhom ħbeb kbar.
Kompla jgħid li għamel sentejn jaħdem mal-BOV u wara fetaħ in-negozju tiegħu, li ilu għaddej 20 sena. Qal li meta Muscat iddeċieda li joħroġ għall-politika, avviċina lil Keith Schembri.
Mill-2008 beda jaħdem fil-PL
Wara li l-Partit Laburista tilef fl-2008, Keith Schembri qal li kien mar id-dar ta’ Muscat u qallu, “Naħseb li l-partit u l-pajjiż għandhom bżonnok.” Kompla li minn hemm bdiet it-triq il-quddiem li hu u Muscat ħadmu fuq madwar 10 kampanji elettorali flimkien.
Saħaq li fl-2013, kienu entużjasti ħafna bir-riżultat u Muscat qallu, “Keith għandi bżonnok miegħi.” Schembri qal li ħa l-pass diffiċli li jmur miegħu, Irriżenja minn Direttur fil-kumpaniji tiegħu, u ta kelmtu lill-Prim Ministru li mhux se jmiss ma’ proġetti ġodda fil-Gvern. Qal li minn hemm sar Chief of Staff.”
Fl-2013 l-irwol tiegħu kien Manager tal-kampanja, jiġifieri kellu kontroll totali tal-kampanja. Huwa qal li kien parti mit-tim fir-rebħa tal-Partit Laburista. “Fuq ir-raba’ sular taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun ma kienu jidħlu l-ebda negozjanti. Kont għamilt ‘finger recognition’ għal min jista’ jidħol hemmhekk”.
Mistoqsi kienx hemm persuni li avviċinaw lill-Partit Laburista bi proposti konkreti, qal li kien hemm min jgħidilhom li ma jistax ikun li biex jieħdu risposta mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar jieħdu sena u nofs.
Il-Bord stasa dwar il-proġett tal-Electrogas. Qal li l-pjan oriġinali kien pjan totali ta’ enerġija, tenna li kien hemm aktar minn proġett wieħed. Qal li l-interconnector waħdu qatt ma seta’ jkun il-bidla u li l-pajjiż qatt ma seta’ jistrieħ fuq l-interconnector biss.
Il-Bord qal lix-xhud li kollox jindika l-pjan kien lest kollu qabel l-elezzjoni. Schembri qal li kien jinsisti fuq il-ħtieġa li jkun hemm l-idea għall-proġett, imma mhux il-pjan għall-proġett innifsu.
Dwar l-Electrogas il-Bord staqsa jekk jeskludiex li qabel l-elezzjoni tkellmux ma’ Gasan, Apap Bologna, Fenech huwa wieġeb fin-negattiv għalih inniffsu. L-Imħallef Lofaro qaltlu, “lunch, dinners eċċ” bi Schembri jwieġeb, “enerġija ma’ dawk it-tlieta min-nies jien ma ddiskutejt qatt.”
Meta l-Prim Imħallef Emeritu Said Pullicino jgħidlu li hemm dellijiet fuq il-proġett tal-Electrogas, ix-xhud qal, “inkjesta sħiħa kulħadd jiġi hawn, jivvinta u jħarref fuqi.
“Ilhom tliet snin jew erba’ jgħidu li jiena ħadt kickbacks fuq passaporti. L-inkjesta ħarġet. Jien tlabtha u rġajt tlabtha, tlabt full disclosure. Biċċa linja mill-inkjesta tgħid li m’hemm l-ebda evidenza prima facie li jien qatt ma ħadt l-ebda kickback fuq l-ebda passaport.
“Jien nixtieq u ilni nitlob li tiġi ppreżentata kollha l-inkjesta. Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras qalet li ma setgħetx tifhem kif li fl-2011 kelli bżonn insellef €100,000 lis-Sur Tonna.”
Kompla jgħid li wara li għadda minn dan kollu, il-Pulizija ffriżawlu l-kontijiet tiegħu kollha… it-tfal għandhom 15 u 17-il sena, u lanqas stipendju ma jidħol, għandhom debit card u ma jidħlilhomx stipendju, Schembri qal li din affettwatu ħafna.
Keith Schembri sostna li fl-2013, meta daħal fil-politika, fetaħ trust mal-Bank of Valletta fejn kien qed jitfa’ l-assi tiegħu u eventwalment kien se jpoġġi l-assi kollha f’dan it-trust.
Qal li kienu avviċinawh xi nies li qalulu li l-Partit Nazzjonalista jaf b’dik it-trust u x’inhu jagħmel. Schembri qal li kien avviċina lil Muscat u ddeċidew li jħalluha tgħaddi mar-riħ.
L-eks Chief of Staff saħaq li l-parir li ngħata kien li jżomm mal-pajjiżi fil-Commonwealth. Kellu għażla bejn Singapore u New Zealand u ddeċieda li jiftaħ trust fi New Zealand u ried jittrasferixxi kollox hemm.
Mossack Fonseca qalulhom li l-iżjed mod effiċjenti kien billi jiftaħ kont il-Panama. Jgħid li dan kien temporanju. L-awdituri tiegħu għażlu l-ammont. Il-Bord isib oġġezzjoni għall-fatt li l-accountants jew l-awdituri ta’ Schembri qabdu u għażlu ammont huma.
Keith Schembri qal li nfetħu aktar minn tliet kumpaniji. Tenna li d-data ta’ meta ngħataw l-istruzzjonijiet mhux id-data ta’ meta nfetħu l-kumpaniji, mhux ftit xhur wara l-elezzjoni. Sostna li kellu strutturi oħra li kien għalaq.
Domanda li Keith Schembri li xtaq li jwieġeb bil-magħluq
Il-Prim Imħallef Emeritu jgħid, “Il-problema tiegħek hi l-kumpaniji kellhom jiġu minn sors daqsxejn fid-dell.” L-Avukat Edward Gatt għal Keith Schembri jintervjeni biex jgħid li Schembri jixtieq iwieġeb domanda fuq l-amministrazzjoni li għamillu l-Bord fil-magħluq.
L-Avukat Therese Comodini Cachia kompliet bil-mistoqsijiet tagħha fuq il-Panama Papers bix-xhud jgħid li wara li nqala’ dan kollu, ried jagħmel double checking, allura kkuntattja lil Mossack Fonseca biex jara d-dokumenti kollha.
Comodini Cachia staqsiet jekk lill-awdituri tiegħu ta’ kważi 30 sena ma talabhomlox, qal li kellu li tawh u ried li jerġa’ jiċċekkja. L-avukat staqsietu jekk lill-BOV kellux jinfurmahom bl-intenzjonijiet tiegħu li jmexxi l-assi tiegħu New Zealand bi Schembri jgħid li ma kellux għalfejn jinfurmahom, u fost oħrajn għax ma kienx jafdahom.
Madankollu Schembri jgħid li xejn mill-assi tiegħu ma ġie trasferit, kollox għadu Malta u saħaq li wara l-Panama Papers, irnexxielu jiftaħ kontijiet bankarji f’banek oħra f’Malta.
Dwar jekk hux isib awdituri ġodda huwa wieġeb fin-negattiv. F’dan il-ħin ix-xhud ippreżenta affidavit li ġab miegħu li fih hemm dikjarazzjoni li hu ma kellu ebda involviment fil-ftehim mal-Vitals Global Healthcare.
Il-Prim Imħallef Emeritu Said Pullicino qal li għall-kuntrarju ta’ li qal Schembri, l-eks Ministru Edward Scicluna qal li dan il-proġett m’għaddiex quddiem il-Kabinett.
Keith Schembri argumenta li l-ebda proċess ma jingħata l-go ahead sakemm ikun hemm il-go ahead, it-timbru tal-Kabinett. Schembri qal li hu ltaqa’ darba ma’ Ram Tumuluri mill-Vitals meta saret preżentazzjoni biex jiġi spjegat il-proġett. Dan wara li ngħatat il-konċessjoni.
Għall-familja ta’ Caruana Galizia qegħdin jidhru l-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia Bħas soltu fl-awla hemm preżenti ukoll il-membri tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, u l-avukati ta’ Keith Schembri, Edward Gatt u Mark Vassallo.
Bħal dan iż-żmien sena ilu, Keith Schembri kien irriżenja mill-pożizzjoni tiegħu bħala Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat wara li Yorgen Fenech semmieh b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
L-Avukat Comodini Cachia tinforma lill-bord dwar kemm iddum l-argumenti tal-għeluq tagħha. L-Avukat tal-Istat Chris Soler li kien kwiet sa issa argumenta li l-uffiċċju ngħata biss status ta’ osservatur.
L-Avukat tal-Istat qal li ma setax iġib ix-xhieda tiegħu, jew jagħmel kontro-eżami. Comodini Cachia tgħid: “Nifhem li l-eks PM jixhed u jgħid li l-Avukat tal-Istat m’għamel xejn, imma r-rappreżentanti kienu hawn dejjem u setgħu jistaqsu mistoqsijiet.
“Imma jekk l-Avukat tal-Istat ma jridx jagħmel sottomissjonijiet, bħala familja rridu nagħmlu sottomissjonijiet wara sentejn niġġieldu biex fl-aħħar tinżamm l-inkjesta u nisimgħu’ l fuq minn 100 xhud” qalet Comodini Cachia.
Il-Prim Imħallef Emeritus Pullicino qal li l-Istat mhux ġudikat hawn. Comodini Cachia tgħid li tkun qed tagħmel disservizz lill-klijenti tagħha jekk ma tagħmilx sottomissjonijiet bil-miktub issa. “Jekk l-Avukat tal-Istat irid jirrinunzja d-dritt tiegħu li jippreżenta nota li jista’ imma jien hekk se nagħmel,” tgħid hi.
Soler baqa’ jargumenta li ma kien hemm l-ebda avversità f’dawn il-proċeduri u għalhekk m’hemmx bżonn ta’ noti ta’ sottomissjonijiet. Huwa jinsisti li l-Avukat tal-Istat ma kellu l-ebda opportunità li jġib xhieda.
L-Imħallef Emeritus Mallia jgħid lill-Avukat tal-Istat kif qed jinfurmah issa meta ingħalaq kollox. Il-bord laqa’ t-talba mill-familja għall-għeluq tas-sottomissjonijiet li għandhom isiru f’din l-inkjesta. Il-bord ħalla s-seduta għall-preżentazzjoni ta’ noti u aktar informazzjoni għall-Ġimgħa 29 ta’ Jannar 2021 fid-9:30am.
L-inkjesta għandha l-għan li tara jekk l-Istat setax jippreveni l-qtil tal-ġurnalista, u biex jiskrutinja l-aġir tal-Istat wara li seħħ il-qtil. L-inkjesta tkompli
//= $special ?>