Lokali

“L-akbar sfida li għandu pajjiżna hi li titwettaq ġustizzja fil-qtil faħxi ta’ Caruana Galizia” – il-President Vella

Artiklu miġbur mill-editur Joe Cassar

L-ewwel u l-akbar sfida li għandu pajjiżna quddiemu bħalissa hija li mill-aktar fis possibbli, fil-parametri tal-korrettezza ġudizzjarja neċessarja, isir ħaqq, u titwettaq ġustizzja ma’ min jinstab ħati li b’xi mod kien parteċipi fil-qtil faħxi tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Hekk qal ilbieraħ il-President ta’ Malta George Vella fid-diskors uffiċjali tiegħu f’Jum ir-Repubblika.

Hu fetaħ id-diskors tiegħu b’referenza għad-diskors tas-sena li għaddiet u qal li ħaseb li dak kien se jkun l-aktar wieħed diffiċli li kellu jagħmel fil-karriera politika tiegħu.

“Is-sena l-ohra, wara li għamiltu ħassejtni li striħajt minn toqol li kont qiegħed inħoss ġewwa fija u ttamajt li dak iż-żmien kien se jgħaddi u jintrefa’ fil-kotba tal-istorja. Jiddispjacini ngħid li kont żbaljat. Kien diffiċli li wieħed ibassar x’kien se jkollu jħabbat wiċċu miegħu l-poplu Malti fis-sena li kienet ġejja.”

Hu rrefera għall-pandemija tal-Covid-19 u qal li jekk inħarsu madwarna fis-sala maestuża li minnha sar id-diskors, nintebħu kif tbiddlet ħajjitna minn sena ’l hawn.

 “Ħalqna u mnifsejna mgħottijin. Inżommu ’l bogħod minn xulxin. Immissu affarijiet mill-anqas biex nevitaw li niltaqgħu ma’ virus li ma narawhx b’għajnejna, imma li qalbilna ħajjitna ta’ taħt fuq, kemm fis-saħħa tagħna, kemm fil-ħajja soċjali tagħna, kif ukoll fl-ekonomija tagħna. Ħajjitna nbidlet mil-lejl għan-nhar.”

Hawnhekk il-President sellem lil dawk kollha li tilfu ħajjithom u wera simpatija mal-qraba u l-għeżież tagħhom.

 Hu sellem ukoll lil dawk kollha fil-qasam tas-saħħa, bla distinzjoni ta’ xejn, li ħadmu u għadhom jaħdmu bla serħan biex taw l-għajnuna lil dawn il-pazjenti, speċjalment l-anzjani rikoverati fid-djar residenzjali għall-anzjani, b’sens altruwistiku kbir, u ħabbtu wiċċhom kontinwament ma’ perikli għal saħħithom, filwaqt li għamlu minn kollox biex fejn setgħu, isalvaw lill-għeżież tagħna minn ħalq il-mewt.

Hu qal li din il-pandemija li b’xorti ħażina, għadha ddur madwarna, ħarbtitilna l-ħajja soċjali tagħna, u tat daqqa qawwija lill-ekonomija ta’ pajjiżna.

It-turiżmu, li fuqu tant jiddependi pajjiżna, tista’ tgħid waqaf, u miegħu waqaf ukoll dak in-negozju kollu li normalment ikun assoċjat miegħu.

Negozji – żgħar u kbar – tħarbtu, u ħafna postijiet tax-xogħol kienu u għadhom fil-periklu. Il-kwalità tal-ħajja għal ħafna minna, inbidlet sew.

Il-President irrefera wkoll għall-qasam tal-edukazzjoni ta’ wliedna u qal li dan intlaqat ħażin ħafna. Hu radd ħajr lill-għalliema u l-edukaturi li minkejja li taħt ċirkostanzi xejn normali, u b’ċertu sogru għal saħħithom, xorta qegħdin jaqdu r-responsabbiltajiet tagħhom sal-lum.

Hu wera t-tama li fil-futur mhux fil-bogħod ikollna f’idejna tilqima li tkun effettiva kontra dan il-virus, li tkun tista’ tingħata lil kulħadd, u b’hekk innaqqsu dejjem il-possibbiltà ta’ aktar infezzjonijiet, u nibdew mexjin it-triq lura għan-normal.

Il-President imbagħad tkellem dwar is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u qal li jkun sabiħ f’okkażjoni bħal tal-lum li wieħed jistqarr li llum hawn qbil maġġoritarju li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea veru ħolqot pressjoni fuq ċerti strutturi u ċerti industriji, iżda fl-istess ħin fetħet u ħolqot opportunitajiet ġodda, f’oqsma li kien għad qatt ma kellna bħalhom qabel is-sħubija.

Il-Fondi ta’ Koeżjoni, u dawk Strutturali, taw spinta qawwija lill-iżvilupp infrastrutturali, kif ukoll lill-ekonomija ta’ pajjiżna.

Qal li llum hawn qbil li pajjiżna integra bis-sħiħ fis-sistemi istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, speċjalment fis-sistema parlamentari tagħha, li ħadet saħħiet ġodda, u drittijiet uniċi, wara t-Trattat ta’ Lisbona.

Imbagħad irrefera għas-sitwazzjoni attwali f’din l-aħħar sena u qal li l-attiviżmu politiku ta’ numru ta’ gruppi mis-Soċjetà Ċivili bl-għajta għat-trasparenza politika, għall-kontabbiltà fl-Amministrazzjoni Pubblika, għat-tibdil fil-legiżlazzjoni li jirrifletti aħjar l-istat tad-dritt, għal istituzzjonijiet aktar awtonomi u indipendenti f’ħidmiethom, kif ukoll bit-talba għall-ħaqq u l-ġustizzja fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kellu effett mhux żgħir fuq l-ambjent politiku, kif ukoll fuq l-andament tal-ħajja soċjali f’pajjiżna.

Hu qal li fl-istess ħin kien qiegħed ikun hemm pressjoni mill-Kummissjoni Venezja, tal-Kunsill tal-Ewropa, biex ċertu tibdil ta’ natura Kostituzzjonali, speċjalment fejn tidħol is-separazzjoni tal-poteri bejn l-Eżekuttiv, u l-qasam Ġudizzjarju, iseħħ kemm jista’ jkun malajr.

George Vella qal li pajjiżna għandu sfidi kbar x’jegħleb quddiemu. Għandu wkoll miri x’jilħaq.

Għandu wkoll opportunitajiet li b’għaqal u b’rieda politika sħiħa u msawra mill-għaqda ta’ bejnietna, u b’viżjoni nazzjonali – kapaċi nisfruttaw għall-ġid komuni.

L-ewwel u l-akbar sfida li għandu pajjiżna quddiemu bħalissa hija li mill-aktar fis possibbli, fil-parametri tal-korrettezza ġudizzjarja neċessarja, isir ħaqq, u titwettaq ġustizzja ma’ min jinstab ħati li b’xi mod kien parteċipi fil-qtil faħxi tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-allegazzjonijiet ta’ kriminalità, u l-konnessjonijiet dubjużi, għandhom jiġu investigati bl-aktar mod professjonali, u dawk involuti imressqa quddiem il-liġi bla dewmien jew favuri.

Irridu nnaddfu kif jidher pajjiżna barra minn xtutna.

Dan isir mhux billi nippruvaw ninsew, iżda billi nuru sogħba ġenwina ta’ dak li sar u nipperswadu lil kulħadd bil-konvinzjoni tagħna, li dak li sar, mhu se jirrepeti ruħu qatt aktar.