L-istudenti jixtiequ serħan il-moħħ, għaliex kulħadd għandu jkollu edukazzjoni medika kif jixraq f’dan il-qasam tant importanti għall-pajjiżna. U meta l-Ministeru għas-Saħħa qed ikompli jisħaq fuq l-Università ta’ Barts li għandha pjanijiet li jkollha madwar 180 student tas-saħħa, wasal iż-żmien li l-Gvern jibda jieħu lill-istudenti bis-serjetà għaliex l-istudenti Maltin jinsabu preokkupati dwar il-futur tagħhom. Kien dan il-messaġġ tal-istudenti waqt konferenza tal-aħbarijiet kunġunta bejn il-Kunsill tal-Istudenti Universitarji u l-MMSA li tirraprezenta l-istudenti tal-medicina.
Tkellimna mal-President tal-KSU Matthew Xuereb li spjegalna kif fl-aħħar snin inħolqot inċertezza kbira f’dan il-qasam mediku u ħadd ma jaf x’se jiġri. Din is-sitwazzjoni ilha tiżviluppa sa mill-2013 u issa l-istudenti jixtiequ soluzzjoni għaliex jinsabu preokkupati li filwaqt li huma qed iħarsu fit-tul, il-Gvern qed iħares biss fl-immedjat. Il-KSU saħqu li m’għandhomx problema bil-kunċett ta’ Università oħra f’pajjiżna pero insistew li fi gżira żgħira diġa għandna riżorsi limitati. Dan meta aktar minn università waħda qed tagħmel użu mill-Isptar Mater Dei. Dan qed iwassal biex l-istudenti f’dan il-qasam ikollhom ħafna inqas ħin u spazju għal studju ta’ prattika fl-isptarijiet.
Dwar dan tkellmet magħna il-President tal-MMSA Gloria Montebello. Filwaqt li spjegat li l-konsultazzjoni fl-aħħar snin kienet waħda minima, tant li l-Gvern injora numru ta’ talbiet mill-istudenti. Hi saħqet li l-istudenti qed jagħmlu numru ta’ proposti biex tinstab soluzzjoni. L-MMSA qed jitolbu għal aktar riżorsi biex it-tagħlim ikun ta’ livell xieraq b’ħin adekwat ta’ prattika. Dan filwaqt li saħqu fuq l-importanza li l-Gvern ikun trasparenti tul il-proċess kollu u verament jinvolvi lill-istudenti fid-diskusjoni. L-istudenti talbu għal aktar support mill-Gvern filwaqt li fakkru kemm kienet determinanti u importanti l-għajnuna li taw bla ħlas tul il-pandemija.
Gloria Montebello qalet li t-tagħlim tagħhom jinsab f’riskju għaliex ma jafux kemm ġejjin studenti minn barra minn xtutna u ma jafux kif se jkun il-futur tagħhom fil-qasam mediku. Hi talbet għal laqgħa formali mal-Gvern biex jinħoloq ftehim li jissalvagwardja l-futur tal-istudenti Maltin u Għawdxin li qed jistudjaw fis-settur tas-sahha.
//= $special ?>