Lokali

L-MUMN tirbaħ id-dritt li tkompli għaddejja bid-direttivi u li tikkontesta l-ftehim settorjali

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Robert Mangion f’digriet li tagħat qalet li Malta Union of Midwives and Nurses (MUMN) għandha d-dritt li tkompli għaddejja bid-direttivi anke jekk b’xi eċċezjonijiet. Ġie deċiż ukoll l-union tal-ħaddiema għandha dritt tikkontesta l-ftehim settorjali.

Din id-deċiżjoni ngħatat fid-dawl tal-kawża li s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa fetaħ kontra l-Union tal-Infermiera u l-Qbiela. Il-Gvern kien talab lill-Qorti biex iżżomm lill-Union milli tordna jew issejjaħ kull azzjoni industrijali li hija xierqa.

Il-Union ħadet azzjoni bil-miżuri kollha biex il-pazjenti ma jintlaqtux bl-ebda mod, iżda bil-ħsieb li l-membri tagħha u dawk kollha fis-settur jingħataw id-dinjità li tixirqilhom.

Dan kollu beda meta fit-2 ta’ Novembru li għadda l-MUMN bgħatet ittra miftuħa lill-Ministru tas-Saħħa fejn fiha ġie informat li l-infermiera u l-qwiebel gew ingannati mid-Divizjoni tas-Saħħa meta L-allowances kollha tħallew jiġu sostitwiti minkejja l-ftehim settorjali li kien sar.

Dan billi tħalla barra kull forma ta’ Rapporti ta’ Prestazzjoni ta’ Valutazzjoni mill-ftehim tal-Allied Health li minnu kienu jgawdu permezz ta’ inċentivi li nfermiera jieħdu grazzi għall-prestazzjoni tagħhom, kif ħaddieħor jibbenifika u li iżda numru minnhom tħallew barra.

Kien ghalhekk li l-Union informat lill-Ministru li hija kienet tat ordni lill-infermiera u l-qwiebel sabiex ir-rapport ta’ stima (appraisal report) jigi mmarkat bhal 100% u dan peress li d-Diviżjoni tas-Saħħa li kienet responsabbli ghall-iffirmar tal-ftehim mal-Allied Health Professionals m’adottatx l-istess approċċ meta iffirmat il-ftehim.

Fl-20 ta’ Novembru 2020 intbagħtet korrispondenza elettronika lis-Segretarji Permanenti fi ħdan it-Taqsima People & Standards fl-Ufficcju tal-Prim Ministru, fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa u fi ħdan il-Ministeru tal-Familja, Solidarjetà Socjali u Drittijiet tat-Tfal.

Il-Gvern jinjora t-talba tagħhom għal laqgħa

Fiha għamlu referenza ghal-laqgħat li kienu saru u li kienu qegħdin jistennew appuntament għal laqgha oħra iżda kienu baqgħu ma rċevew l-ebda appuntament iehor.

B’dan l-atteġjament huma fehmu li l-Gvern ma kienx interessat li jsib soluzzjoni u kien ghalhekk li l-Union irreġistrat Tilwima Industrijali mal-Ministeru tas-Sahha u mal-Ministeru tal-Familja, Solidarjeta Socjali u Drittijiet tat-Tfal u l-Ufficcju tal-Prim’Ministu Taqsima PSD f’isem il-membri kollha tal-MUMN.

Fit-23 ta’ Novembru 2020, l-MUMN informat lill-membri tagħġha mxerdin ma’ diversi sptarijiet f’Malta u Għawdex sabiex mill-25 ta’ Novembru 2020 mis-7.00am. jibdew isegwu numru ta’ direttivi.

Skont l-ittra li intbagħtet lill-membri tagħha, dawn id-direttivi nħargu wara li l-Health Division and the Office of the Prime Minister irrifjuta li jerġa’ jiftaħ il-ftehim settorjali tal-Infermiera u Qwiebel biex jindirizzaw id-diskrepanzi sostanzjali mogħtija fil-ftehim settorjali tagħhom.

Fl-ittra mibghuta mill-MUMN lill-membri tagħha kien hemm numru ta’ direttivi u ordnat ukoll lill-infermiera li jahdmu fl-Operating Theatres ewlenin, sabiex infermiera li jaħdmu fit-teatru għandhom jibqgħu jaħdmu f’dawn l erba’ teatri imma li għandu jinżamm ftehim ta’ infermiera tat-teatru li jgħinu fl-ITU.

Waqt il-gbir tal-provi, irrizulta li dan l-arrangament kien fis-sens illi infermiera ta’ teatri ohra ghandhom jibqghu jassistu gewwa l-ITU minhabba is-sitwazzjoni tal-imxija.

Mill-ittra annessa mar-rikors jidher ukoll li inghataw numru ta’ direttivi lil Endoscopy Unit, Out-Patient’s Department, SVPR, MCH, RKGH, GGH u Health Centres.

Fis-sena 2017 il-union intimata li tirraprezenta l-qwiebel u l-infermiera l-MUMN iffirmat ftehim kollettiv li dahal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2018, liema ftehim jibqa’ validu sal-31 ta’ Dicembru 2022.

Fl-20 t’April 2017, l-MUMN, flimkien ma’ numru ta’ unions tal-haddiema ohra, iffirmat ukoll il-ftehim kollettiv intitolat “Collective Agreement for Employees in the Public Service” li huwa validu sal-31 ta’ Dicembru 2024 li jkopri l-impjegati kollha fis-settur pubbliku.

Aktar kmieni din is-sena għall-ħabta ta’ nofs Ottubru 2020 il-Gvern daħal fi ftehim kollettiv mal-Allied Health Professionals kif rappreżentati mill-Union Haddiema Maghqudin-Voice of the Workers.

L-MUMN qed issostni illi b’effett ta’ dan il-ftehim kollettiv is-salarji tal-Allied Health Professionals huma aktar favorevoli minn dawk li jgawdu minnhom il-membri tagħha u kien ghalhekk li l-istess union ordnat id-direttivi msemmija.

Mill-banda l-oħra s- Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa qed jinsisti illi l-ftehim settorjali bejn il-Gvern u l-MUMN għadu vigenti u taħditiet ghal ftehim settorjali ġdid għandhom jibdew mhux aktar kmieni minn disa’ xhur qabel l-iskadenza tal-istess ftehim.

L-MUMN qed jinsisti li l-ftehim kollettiv ġenerali li sar bejn il-Gvern u l-impjegati kollha tas-settur pubbliku ffirmat fl-20 t’April 2017, jipprovdi “li l-ebda reviżjoni għalih ma tista’ ssir sakemm mhux konsegwenza ta’ cirkostanzi eċċezzjonali u li r-reviżjoni hija maqbula bejn l-amministrazzjoni u l-union rispettiva.”

Il-Qorti qalet fid-digriet tagħha li jridu jibqgħu fis-seħħ id-diversi servizzi favur il-pazjenti li jinkludu s-servizzi kollha tal-emerġenza, inkluż is-servizzi mogħtija mill-infermiera meta johorgu mal-ambulanzi, l-“ITU” tat-trabi, l-Intesive Therapy Unit (mhux talli d-direttivi moghtija ma jolqtux l-infermiera li jaħdmu l-ITU talli anke infermiera li jaħdmu fis-swali m’għandhom ebda direttivi biex ma jassistux u jgħinu infermiera li jaħdmu fl-ITU kull meta jiġu ordnati li jagħmlu skond il-bzonn.

Għandu wkoll jibqa’ jsir xogħol fir-Renal Dialysis Unit, Cardiac Intensive Care Unit, Delivery Suite, Paediatric Wards, Id-djar kollha tal-anzjani u l-isptar Boffa.

Celia Falzon, il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei qalet li kieku ġew attwati dawn id-direttivi l-isptar kien jieqaf u dan ghaliex jaħdem bħala katina. Qalet li minħabba l-pandemija Covid-19, il-proċess gie aktar kompless.

Fil-Qorti l-MUMN resqet bħala xhud lil Paul Pace, President tal-istess union. Huwa spjega li waqt it-trattattivi tal-ftehim kollettiv tal-2013, min iħaddem kien spjegalhom li x-shift allowance mhux sejjer jingħata u li l-Performance Allowance hija bbażata fuq rapport annwali li kull infermier jagħmel.

Hemm ukoll dik imsejħa Continuous Professional Development Allowance (CPD), hija somma fissa ta €700 li tingħata lill-professjonist li jkompli l-istudji tiegħu. Skont ix-xhud, meta nħareg l-ftehim kollettiv tal-Allied Health Professionals dan il-pedament tmiss.

Huwa qal li waqt l-ewwel laqgħa li l-Union kellha ma’ Joseph Rapa u Thomas Woods, huma kienu ppreżentawlhom kalkoli li juru d-diskrepanza bejn il-haddiema tal-infermiera u l-qwiebel fuq naha u tal-allied health professionals fuq naħa oħra, fl-istess skali.

Fit-tieni laqgħa gew ikkomparati l-workings li saru mill-union li jikkomprendu minn Skala 10 sa Skala 5 u l-Gvern għamel il-workings tiegħu sabiex jiġi determinat id-diskrepanza, jekk kien hemm, fis-salarju bejn l-infermiera u l-qwiebel fuq naħa u l-professjonisti tal-Allied Health Professionals fuq naħa oħra, meta kkomparat fuq l-istess skala.

Il-Gvern offra promozzjoni lil 30 infermier imma mhux li jkunu fl-istess livell

Ix-xhud qal li waqt din il-laqgħa jidher li kien hemm qbil min-naha tal-Gvern li hemm diskrepanza. Bħala soluzzjoni l-Gvern offra li jiġu promossi 30 infermier għal Charge Nurse.

Però mhux dan li riedu l-Union u dan għaliex m’hijiex kwistjoni ta’ promozjoni ta’ 30 infermier li l-MUMN kienet qed tinsiti għalih iżda li jiġu fuq l-istess livell tal-ħaddiema imsejħa Allied Health Professionals.

Ix-xhud tenna li huwa jifhem il-pożizzjoni tal-Gvern li jekk jintmiss ftehim kollettiv wieħed ikun qiegħed jirrokka ftehim kollettiv oħra li hemm bejn il-Gvern u dipartimenti governattivi oħra u għalhekk il-Union, peress li hemm nuqqas ta’ infermiera u din ammessa mill-Gvern stess, offriet li l-qwiebel u li-nfermiera jinghataw Shortage of Nurses Allowance.

Kien għalhekk li ntalab li din l-allowance li għandha tvarja bejn €3,000 u €5,000, skont il-grad, u dan ikun allowance temporanju sakemm jasal iż-żmien li jigi diskuss il-ftehim kollettiv il-ġdid fis-sena 2022.

B’din il-proposta, l-haddiema jiġu fl-istess livell tal-haddiema tal-Allied Health Professionals. Fuq din il-proposta kellha ssir laqgħa oħra fis-17 ta’ Novembru 2020 iżda din ma saritx, minflok ix-xhud ircieva telefonata minn ghand is-Sur Rapa jinformah li m’għandux l-awtorizzazzjoni sabiex jiltaqa’ magħhom.

Il-Gvern idaħħal lil MUMN il-Qorti li tibqa’ bla tweġiba mingħand il-Ministru

Pace innota wkoll li l-Gvern flok din il-kwistjoni ħadha għand il-Rikkonċiljatur, bħal ma jsir f’dawn it-tip ta’ kwistjonijiet,għażel li jibda il-proċeduri għall-ħruġ ta’ Mandat ta’ Inibizzjoni.

Ix-xhud spjega illi sabiex jekk possibbli l-MUMN tevita l-ħruġ ta’ dawn id-direttivi, fit-2 ta’ Novembru li għadda huwa kiteb direttament lill-Ministru sabiex jitolbu jintervjeni fid-diskussjonijiet, iżda qatt ma kien hemm tweġiba għal din l-ittra.

Kien għalhekk li sSegretarju Ġenerali tal-Union, Colin Galea, bagħat korrispondenza elettronika jistaqsi għal twegiba iżda għal din ukoll ma kienx hemm risposta.

Pace qal li wara li ra dan l-atteġġjament ma kellux triq oħra ħlief li jinħargu dawn id-direttivi.fit-23 ta’ Novembru 2020 b’struzzjonijiet ghal 25 ta’ Novembru, b’jumejn ċans għall-Gvern sabiex jerġa jiftaħ id-diskussjonijiet. Ix-xhud insista li x-xogħol tal-infermier huwa li jassisti l-pazjent u mhux joqgħod wara skrivanija, jirrispondi t-telefon u fuq kompjuter.

Pace tenna li hemm nuqqas kbir ta’ infermiera f’kull taqsima inkluz fl-ITU. Jikjarifika illi d-direttiva mill-MUMN sabiex l-infermiera ma jmissux kompjuter ilha hemm sena u nofs, kien biss li din reġgħet giet riaffermata f’dawn id-direttivi.

Huwa qal ukoll li waqt is-sieghat, li kienu ‘l fuq minn ġurnata, li daħlu fis-seħħ id-direttivi qabel ma gie milqugħ proviżorjament il-mandat u ġie notifikat lilhom, it-trasferimenti tal-pazjenti mill-emerġenza u mir-renal unit mexa mingħajr skossi u dan għaliex il-bed-management team ħareġ mill-uffiċju u mar idur is-swali, kif suppost għandhom jaghmlu dejjem.

Paul Pace sostna li l-bed management team huma infermiera li joqgħdu bi-qiegħda fl-uffiċju tagħhom meta suppost xogħolhom hu li jduru s-swali sabiex jorganizzaw it-tqassim tal-pazjenti skond l-eżiġenzi u d-disponibilità ta’ sodod vojta.

Il-bed management unit ma ntlaqtux b’dawn id-direttivi. Kien bis-saħħa ta’ dawn id-direttivi iżda li dawn ħarġu mill-uffiċju tagħhom u bdew iduru s-swali, jaraw il-files u jagħmlu l-koordinazzjoni meħtiega.

Pace qal ukoll li xejn mhu minnu li jsir hand-over bil-fomm u dan għaliex kollox ikun miktub. Dawn isiru biss meta jkun hemm emerġenza fejn il-pazjent jittieħed l-ITU.

Pace insista bil-qawwa kollha li l-kura lill-pazjent xorta se tingħatalu anke jekk ma jsirx it-trasferiment u dan għaliex kull sala għandha pazjenti li jkunu jeħtieġu kura differenti.

Huwa nsista wkoll li Renal unit, ITU, paediatrics, MPICU (ITU tat-trabi) ma ntlaqtux b’dawn id-direttivi għaliex it-trasferimenti tkomplew isiru anzi b’aktar effiċenzja għaliex dawn l-affarijiet ma baqgħux jiddependu fuq l-infermier.

Huwa spjega li fil-passat l-MUMN kienet tat direttivi sabiex l-infermiera ma jaħslux pazjenti u ma jiġux mċaqalqa minn fuq is-sodda għal fuq is-siġġu, iżda li f’din id-direttiva mertu ta’ dawn il-proċeduri ma hemmx ordnijiet ta’ dik ix-xorta.

Ix-xhud jispjega li d-direttiva numru 6 hija ndirizzata lil Health Centres u dan għaliex fl-isptar hemm dawk li jissejħu ‘phlebotomists’ u li ma ġewx affettwati b’dawn id-direttivi.

Huwa għamel referenza ghal SLSL, cioe l-early retirement ta’ wara 30 sena servizz. Dwar ix-shift allowance, ix-xhud spjega li huma ma ingħatawx din l-allowance għaliex dejjem qalulhom li għandhom allowances oħrajn li jagħmlu tajjeb, iżda l-Allied Health Professionals ingħataw aktar allowances milli ghandhom huma fosthom class allowance, Professional training allowance, etc.

Il-Qorti qalet li hija tal-fehma li dewmien f’kommunikazzjoni jew koordinazzjoni tista’ tikkaġuna periklu fuq is-sahha tal-pazjent. Ghalhekk filwaqt li mhux qed tilqa’ t-talba sħiħa tal-Gvern għall-ħruġ tal-mandat kontra l-MUMN, qalet li qed tagħmilha ċara li anke fejn id-direttivi mhux ser jintlaqtu bil-mandat ta’ inibizzjoni,

l-ewwel għandu jiġi l-pazjent

Dan bil-kondizzjoni espliċita li jekk f’xi każ partikolari is-saħħa ta’ pazjent tkun fil-fehma tal-infermier, qabla jew tat-tabib kuranti, qed tiġi pperikolata minħabba waħda jew aktar minn dawk id-direttivi jew tirriżulta emerġenza fis-sala tagħhom, l-infermiera u l-qwiebel għandhom, kif inhu fid-dover tagħhom, jassistu dak il-pazjent b’agiltità mingħajr kont tad-direttivi.

Ghal dawn il-motivi l-Qorti qalet li l-ħruġ ta’ Mandat ta’ Inibizzjoni ppreżentat mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tasSahha fil-25 ta’ Novembru 2020 ma jirriżultax il-jedd li jrid s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa li l-Ftehim Kollettiv Settorjali li jiskadi f’Diċembru 2022 ma jippermettiex lill-MUMN milli tiehu Azzjoni Industrijali sakemm il-Ftehim ghadu fis-seħħ.

Tiddikjara wkoll li parti mid-direttivi tal-MUMN mertu tar-rikors jistgħu ikunu ta’ perikolu għas-saħħa tal-pazjenti. Għall-MUMN deher l-Avukat Chris Cilia.