Lokali Transport Turiżmu

Maħtur Chairman ġdid għall-Air Malta

Il-Ministeru għall-Finanzi iħabbar il-ħatra ta’ David G. Curmi bħala ċ-Chairman Eżekuttiv il-ġdid tal-Air Malta. Din il-ħatra se tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2021. 

Curmi għandu snin ta’ esperjenza fit-tmexxija ta’ diversi entitajiet pubbliċi u privati. Preżentament, qed iservi bħala l-Kap Eżekuttiv ta’ MAPFRE MSV Life p.l.c. u fuq numru ta’ bordijiet ta’ kumpaniji, li jinkludu MAPFRE Middlesea p.l.c., MIDI p.l.c., Plaza Centers p.l.c. u Growth Investments Ltd. Huwa wkoll iċ-Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali u membru tal-Bord tal-Iskola tad-Dottorat fl-Università ta’ Malta. 

Qabel dawn, is-Sur Curmi kien jokkupa l-kariga ta’ President tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta, kif ukoll Chairman ta’ Trade Malta Ltd.

Huwa membru taċ-Chartered Insurance Institute tar-Renju Unit, kif ukoll Chartered Insurer. 

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal, li “l-Air Malta qed taffaċċja numru ta’ sfidi kbar li kibru minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Nemmen li Curmi jista’ jġib impetu ġdid lil-linja tal-ajru nazzjonali sabiex tikkonsolida l-oqsma li rnexxew, filwaqt li ttejjeb l-oqsma fejn dan ma seħħx.” 

Il-Ministeru jixtieq jirringrazzja liċ-Chairman uxxenti Charles Mangion għax-xogħol li wettaq matul il-kariga tiegħu.