Internazzjonali

Stati Uniti: Jinqatel barra katidral fi New York….wara sfida diretta lill-pulizija

Il-pulizija fl-Istati Uniti kienu kostretti li jiftħu n-nar fuq raġel li kien qed jispara żewġ pistoli f’zona ċentrali ta’ New York u fejn, skont ir-rapporti, kien qed jisfida lill-istess pulizija biex ‘joqtluh fuq il-post’.

Id-dettalji tal-każ  mhumiex magħrufa għal kollox meta l-pulizija qed jinvestigaw x’seta’ wassal għall-inċident li seħħ viċin ħafna tal-Katidral tal-belt li hi dedikata lil San Ġwann u li tinsab fiz-zona ta’ Manhattan.

Kienet biss b’xorti tajba li ma weġġa’ ħadd fl-isparar peress li dak il-ħin kien hemm il-mijiet ta’ nies fuq barra qed jistennew biex jassistu għal kunċert tal-Milied.

Il-kunċert kellu jsir fuq barra minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid-19 u kien għadu jif intemm meta r-raġel beda jispara fl-ajru waqt li kien fuq it-taraġ tal-katidral. Intant, numru ta’ pulizija li nzertaw fl-inħawi sparaw numru ta’ tiri lejn ir-raġel u bir-riżultat li hu intlaqat minn tiri f’rasu.

L-inċident nissel xokk u paniku kbir fl-inħawi, bir-rapporti jgħidu li l-pulizija fuq il-post, wara, elevaw bagalja li fiha kien hemm l-armi semi-awtomatiċi flimkien ma’ skieken u oġġetti oħra, inkluża bibbja.

Sar magħruf ukoll li l-aggressur kien raġel ta’ 52 sena li kmieni f’ħajtu weħel kundanna għal omiċidju u li kellu wkoll rekord kriminali sostanzjali.