Lokali

L-Università tal-Ġordaniżi ‘il-bogħod ferm mill-miri u l-wegħdiet

Il-Ministru Caruana twieġeb dwar is-sitwazzjoni tal-iskola Thi Lakin

F’sentejn, l-Università Amerikana…tal-Ġordaniżi, għamlet aktar minn ħdax-il miljun ewro telf.

Dan ħareġ minn ċifri żvelati l-Ħadd li għadda hekk kif il-kumpanija ta’ Sadeen – il-kumpanija li hija sid l-AUM irreġistrat aktar minn ħames miljun ewro telf kemm fl-2018 kif ukoll tul is-sena 2019.

L-Università li tħabbret b’pompożità liema bħala mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat lura fl-2015, qalb diversi dubji u kontroversji – bil-għan li suppost tqajjem il-kummerċ ekonomiku fil-Kottonera, fetħet il-bibien tagħha għall-istudenti f’Settembru ta’ 3 snin ilu. Dan filwaqt li l-Gvern ta lill-istess Sadeen Education investment Limited art fiż-Żonqor f’Wied il-Għajn, b’Muscat dak iż-żmien jisħaq li x-xogħolijiet f’din iż-żona jingħataw bidu ladarba timtela’ l-Universita f’Bormla.

Madanakollu, l-mira ta’ 710 studenti fl-ewwel sentejn falliet miżerjament wara li l-AUM irnexxielha tiġbed lejha 143 biss, jew 20%.

Dan kollu jfisser li l-flejjes ġenerati mill-miżati laħqu ftit aktar minn erba mija u ħamsil elf ewro – filwaqt li ġie rrapportat li l-kumpanija għandha dejn pendenti ta’ aktar minn erbgha u tletin miljun ewro.

Mitluba jagħtu l-kummenti tagħhom lill-Malta Independent, kelliema għall-Università Ġordaniża saħqu li minkejja t-telf li qed jagħmlu, anke minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija, jinsabu kommessi li jinvestu fil-kampus tal-Kottonera. Madanakollu, in-numri jixhdu bl-aktar mod ċar li t-telf ta ‘il fuq minn ħdax-il miljun, u l-miri li ma ntlaħqux – seħħew qabel ma feġġ dan il-virus.

Net News staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana dwar jekk hux kuntenta bl-andament ta’ din l-Università. Madanakollu, hija dehret skomda biex twieġeb.

Staqsejna wkoll lill-Ministru dwar kif il-Gvern fi ħsiebu jgħin lill-ġenituri, studenti u edukaturi tal-iskola privata Thi Lakin li fl-aħħar jiem sar magħruf li f’Ġunju ser tkun qed tagħlaq il-bibien tagħha – bil-Ministru Caruana tati x’tifhem li l-Gvern ma kellux idea tas-sitwazzjoni;

“Aħna sirna nafu bħal kulħadd, jiġifieri d-deċiżjoni ma tteħditx b’konsultazzjoni jew b’diskussjoni mal-Gvern”

Dan filwaqt li dwar din is-sitwazzjoni Caruana ġibdet it-tapit minn taħt saqajn il-predeċessur tagħha, Owen Bonnici, fejn insistiet li kien hemm bżonn ta’ aktar pjanar.

“Idealment id-diskussjonijiet saru qabel biex wieħed ikun jista’ jippjana… però ġiet kif ġiet u qed nagħmlu l-għalmu tagħna biex niffaċilitaw il-proċess”