Żewġ ġurnali influwenti dwar il-mediċina fissru l-pjan tal-awtoritajiet fir-Renju Unit biex inaqqsu r-regoli tas-sigurtà dwar il-Covid-19 għal żmien il-Milied bħala ‘deċiżjoni impulsiva li għandha ssarraf f’numru kbir ta’ imwiet’.
Il-Health Service Journal (HSJ) u l-British Medical Journal (BMJ) qalu f’din is-sitwazzjoni, in-nies jistgħu jqisu t-tneħħija tas-sanzjonijiet bħala ‘permess biex ma jibqgħux jeżerċitaw il-kawtela’ f’sitwazzjoni perikoluża u imprevedibbli.
Dan ukoll meta l-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Londra għamilha ċara li mhux se jirrevedi jew jibdel il-pjani biex il-membri tal-familji jkunu jistgħu ‘jitħalltu’ ma’ xulxin waqt il-festi. Madankollu, Stephen Barclay, Ministru fil-Kabinett, wissa biex in-nies iżommu l-minimu ta’ kuntatt soċjali tul il-perjodu ( ħamest ijiem) fejn se jitnaqqsu r-restrizzjonijiet soċjali.
L-HSJ u l-BMJ, permezz ta’ editorjal konġunt, qalu li ‘il-membri tal-pubbliku jistgħu u huma fid-dmir li jnaqqsu mill-impatt tat-tielet mewġa (tal-coronavirus) b’li jeżerċitaw il-kawtela għaż-żmien kollu possibbli għall-ftit xhur li jmiss’. Intant, l-editorjal jirrikonoxxi – u qed jistenna — li ħafna nies se ‘jissugraw saħħithom’ biex jiddevertu fi żmien il-Milied.
Din kienet it-tieni darba biss li l-ġurnali produċew joint editorial, fost twissija li ‘l-editorjal qed jitwassal għaliex (il-ġurnali) jemmnu li l-Gvern Britanniku qed iwitti t-triq għal żball oħxon ieħor li se jissarraf f’ħajja mitlufa’.
Jiem ilu, il-mexxejja tal-Ingilterra, l-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq (li jiffurmaw ir-Renju Unit) qablu biex xi regoli li jħarsu kontra l-firxa tal-Covid-19 jonqsu għal żmien temporanju waqt il-btajjel tal-Milied. Dan meta sa tliet familji se jkunu jistgħu jivvjaġġaw u jibqgħu flimkien bejn it-23 u s-27 ta’ Diċembru.
Miljuni ta’ nies f’Londra, f’partijiet ta’ Hertfordshire u f’Essex, bħalissa, qed iħejju għall-ogħla livell (tier) ta’ restrizzjonijiet għall-coronavirus. Il-miżura, minn għada, se tkopri mal-10.8 miljuni, li jżidu t-total tan-nies li qed jgħixu taħt l-‘akbar restrizzjonijiet’ għal 34 miljuni – jew 61 fil-mija tal-poplu fl-Ingilterra.
Skont ir-regoli ta’ Tier 3 il-pubs u r-ristoranti jridu jagħlqu ħlief għal servizzi ta’ takeaway u delivery. Dan waqt li l-postijiet li jipprovdu d-divertiment fuq ġewwa – bħat-teatri, iċ-ċinema u l-bowling alleys – iridu jibqħu magħluqin.
Intant, kelliema għall-assoċjazzjonijiet tal-bars u r-ristoranti fl-Ingilterra wissew li l-issikkar tar-restrizzjonijiet se jipperikolaw aktar eluf ta’ impjiegi.
Madankollu, is-Segretarju tas-Saħħa Britanniku, Matt Hancock, qal li ‘ma jistgħux ikunu esklużi aktar miżuri ta’ emerġenza’– u ladarba ħarġet analiżi ta’ varjant ġdid tal-Covid-19 li jidher li qed jikber b’rata aktar mgħaġġla mill-varjant eżistenti tal-infezzjoni.
Hancock tenna li f’sitwazzjoni bħal din jaqbel ħafna li n-nies jibqgħu viġilitanti filwaqt li jieħdu kull prekawzjoni tas-saħħa.
//= $special ?>