Lokali

Fatti mix-xhieda ta’ Keith Schembri

Matul ix-xhieda tal-eks Chief of Staff f’Kastilja, ħarġu diversi fatti; uħud minnhom ġodda… u oħrajn li kienu konfermati minn Keith Schembri.

Barraminhekk, kien hemm diversi mumenti waqt l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, fejn l-Imħallfin li jifformaw il-Bord dehru biċ-ċar li ma tantx kienu qed jemmnu l-verżjoni li kien qed jagħti l-eks Chief of Staff.

FATT: Id-data tal-elezzjoni ġenerali bikrija kienet deċiża qabel ħarġu l-allegazzjonijiet dwar il-kumpanija Egrant.

Keith Schembri ikkonferma li d-data tal-elezzjoni bikrija kienet deċiża bejn Frar u Marzu tal-2017. Ferm qabel l-20 ta’ April – id-data li fiha Daphne Caruana Galizia kienet kitbet dwar Egrant. Fatt li jgiddeb lil Joseph Muscat li dejjem qal li r-raġuni għalfejn sejjaħ l-elezzjoni ġenerali bikrija kienet minħabba l-allegazzjonijiet dwar Egrant.

FATT: Keith Schembri kien informa lil Joseph Muscat dwar 17 Black.

Fix-xhieda tiegħu, Keith Schembri ikkonferma li hu kien qal lill-eks Prim Ministru dwar il-konnessjoni tiegħu ma’ 17 Black u li kien jaf li hi ta’ Yorgen Fenech. Dan imur kontra dak li dejjem sostna Joseph Muscat li ma kienx jaf ta’ min hi 17 Black. Schembri ddikjara wkoll li ma kien għamel xejn minn wara dahar Joseph Muscat.

FATT: Keith Schembri qal li l-istrutturi finanzjarji tiegħu fil-Panama u New Zealand ma kellhom x’jaqsmu xejn ma’ dawk ta’ Konrad Mizzi.

Minkejja li huma prattikament identiċi, kienu mnedija mill-istess kumpanija ta’ awdituri – Nexia BT – u kellhom jieħdu ammont ta’ flus identiku għal xulxin, Keith Schembri qal li l-kumpanija Tillgate fil-Panama u t-Trust fi New Zealand, m’għandhomx x’jaqsmu mal-kumpannija Hearnville fil-Panama u Trust fi New Zealand li Nexia BT fetħu għall-eks Ministru Konrad Mizzi.

FATT: Keith Schembri ma jarax rabta bejn 17 Black u Electrogas.

Minkejja li kif iddikjara fix-xhieda tiegħu kien jaf li 17 Black kienet ta’ Yorgen Fenech u li Yorgen Fenech hu wieħed mid-diretturi tal-konsorzju Electrogas, Keith Schembri qal li ma jarax rabta bejn din il-kumpanija li kellha tħallas lill-kumpanija tiegħu u ta’ Konrad Mizzi u l-konsorzju kontroversjali li rebaħ it-tender tal-Power Station.

FATT: Keith Schembri kien jaf dwar data leak mill-Electrogas fil-kampanja elettorali tal-2017.

Filwaqt li ma kien jaf xejn dwar 17 Black u Electrogas, min-naħa l-oħra, Keith Schembri kien jaf li kien hemm data leak kbira mis-servers tal-konsorzju. Dan kien f’Mejju tal-2017 filwaqt Electrogas kienet ħabbret li sofriet dan il-leak kważi sena wara, f’Mejju tal-2018.

FATT: Keith Schembri ma jafx ta’ min hi l-kumpanija Macbridge.

Meta xi ħadd jgħid li ma jafx minn fejn ġab il-flus ħafna drabi ħaddieħor jgħidlu, mela waqgħu mis-sema?! Imma donnu hekk ried jgħid Schembri lill-Bord tal-Inkjesta meta ddikjara li ma jafx ta’ min hi l-kumpanija Macbridge li kellha tiddepożita żewġ miljun dollaru fl-istrutturi finanzjarji offshore li kellu l-istess Keith Schembri. U Meta staqsa lill-awdituri Nexia BT, Keith Schembri qal li Macbridge ma tidhirx fir-records tagħhom.

FATT: Jinkixef WhatsApp Group ieħor li fih Keith Schembri u Yorgen Fenech.

Fl-inkjesta pubblika, Keith Schembri ikkonferma l-eżistenza ta’ grupp fuq WhatsApp li kienu fih hu u Yorgen Fenech, kif ukoll l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta u l-eks Chairman tal-MFSA Joseph Cuschieri. Silvio Valletta irriżenja mill-Korp f’Jannar li għadda wara li sar magħruf li kellu ħbiberija mill-qrib ma’ Fenech fl-istess żmien li kien qed jinvestiga l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Joseph Cuschieri irriżenja minn Chairman tal-MFSA f’April li għadda wara li ġie żvelat li fl-2018 kien mar Las Vegas flimkien ma’ Yorgen Fenech meta kien Chairman tal-Awtorita’ tal-Logħob u l-istess awtorita’ kellha kawża kontra l-casino ta’ Yorgen Fenech.