Lokali Parlament

Il-Gvern jirtira stqarrija ministerjali fil-parlament; jirriżenja Edward Scicluna

Minkejja li kien avża li se ssir stqarrija ministerjali fil-parlament mill-Prim Ministru dwar is-summit tal-UE, il-gvern irtira mill-pożizzjoni tiegħu u m’għamilx din l-istqarrija. Il-gvern ma ta l-ebda raġuni għaliex ma saritx din l-istqarrija.

F’reazzjoni li għamel fil-parlament il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar ikkritika dan l-atteġġjament tal-gvern u qal li l-gvern għandu jimxi skont il-proċedura parlamentari u mhux jieħu din l-attitudni.

Il-Whip Laburista Glenn Bedingfield qal li l-gvern kellu dritt li jagħmel l-istqarrijiet meta jħoss hu u m’hu marbut mal-ebda regola parlamentari.

Fis-seduta tkellem ukoll Edward Scicluna, li ta r-riżenja tiegħu minn deputat wara li fl-aħħar ġranet kien approvat bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Fil-votazzjoni dwar din il-ħatra fil-kumitat parlamentari li tratta din il-kariga l-Oppożizzjoni vvutat kontra.