Lokali

Il-klieb abbandunati se jkollhom iqattgħu l-Milied f’gaġġa tas-santwarji?

Ġimgħat… xhur… snin. Daqshekk ilhom jistennew għadd ta’ klieb f’santwarji tal-annimali għal ħajja ġdida ma’ familja li tħobbhom u lesta tagħmel kollox għalihom!

U dan il-Milied? Sfortunatament, ħafna se jqattgħu din il-ġurnata magħluqin f’gaġġa wara li xortihom ma missithomx bħal klieb oħra tant li kienu ġew abbandunati minn sidhom. Ħafna minnhom mhux talli ġew abbandunati daqslikieku lesti għall-aħħar ta’ ħajjithom, iżda saħansitra ġew maltrattati u ma ngħatawx ħajja sabiħa. Iżda dan sakemm raw ruħ tajba li salvathom għaliex minkejja li jinsabu f’santwarju tal-klieb, xorta waħda għandhom ħafna imħabba mill-voluntiera.

Madanakollu, kemm ġriewi u anke klieb li għandhom ftit taż-żmien, tista’ tgħid klieb ta’ kull età, jinsabu fuq ix-xwiek jistennew li xi ħadd jinteressa ruħu fihom tant li jkunu jixtiequ jaddottawhom u jibdew ħajja ġdida ma’ familja li tħobbhom. Tant hu hekk li lanqas ilħaqna dħalna mix-xatba ’l ġewwa li ma sibnix ruħna mdawrin b’ammont kbir ta’ klieb iduru magħna b’għajnejn ta’ ħniena bħallikieku jitolbuna biex nieħduhom id-dar magħna. Kien għalhekk li l-Assoċjazzjoni tal-Annimali Abbandunati nediet kampanja ġdida fejn kuljum sal-Milied qed titfa’ fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha ritratt ta’ kelb differenti li jinsab fis-santwarju biex tħeġġeġ lin-nies jaddottaw minflok jixtru kelb bħala rigal għall-Milied.

Net News tkellem mal-persuna li tieħu ħsieb is-santwarju tal-Assoċjazzjoni flimkien ma’ għadd ta’ voluntiera oħra, Rosalind Agius fejn spjegatilna li l-inizjattiva bl-isem ta’ #adoptdontbuy qed toffri ritratti tal-klieb libsin ħwejjeġ tal-Milied permezz ta’ grafika li tagħti l-ispirtu tal-festi. Alex ta’ sentejn, Dino ta’ erba’ snin u Thad ta’ tmien snin kienu uħud mill-ewwel klieb li għamluha ma’ tal-ewwel fuq il-paġna ta’ Facebook fejn serqu l-qlub ta’ ħafna b’minnhom libsin xi barnuża tal-Milied u oħrajn imdawrin b’għadd ta’ rigali u dekorazzjonijiet oħra li jġib miegħu dan iż-żmien.

“Aħna dejjem nipprovaw nippromwovu lill-klieb kemm jista’ jkun sabiex ikollhom ħajja aħjar,” qalet Rosalind Agius. “Pero din id-darba ħsibna li nlibsuhom ħwejjeġ u affarijiet tal-Milied, eżempju min xalla u min bi ċriev biex forsi nsibulhom dar.”

Jum wara l-iehor, l-Assoċjazzjoni tilqa’ fis-santwarju tagħha għadd ta’ klieb abbandunati, fejn f’ġurnata waħda saħansitra laqgħu erbat iklieb, bi tnejn minnhom kienu ġriewi. Sfortunatament, Rosalind qaltilna li l-voluntiera u l-fondi dejjem qed jonqsu, b’riżultat li mhux qed ilaħqu mal-madwar 70 kelb li għandhom magħhom.

Bla dubju ta’ xejn, ma’ dan ma tistax tonqos is-sejħa li meta wieħed jieħu kelb għal żmien il-Milied, wieħed għandu jara dan bħala impenn fit-tul u mhux bħal oġġett li tista’ tarmih ‘il barra minn dahrek la darba tkun xbajt minnu. Dan filwaqt li wieħed irid jippjana ħajtu madwar il-kelb jew l-annimali li jġib daqslikieku għandu tarbija li lest jagħtiha ħajtu sal-aħħar.

“Hu importanti li kull min jaddotta, jaddotta għal dejjem,” qalet Rosalind Agius. “Ma taddottax għall-Milied biss. Ma taddottax għal żmien shutdown tal-Coronavirus biss. Ma taddottax għax qiegħed id-dar u m’għandikx x’tagħmel b’ħinek. Taddotta kelb għax tixtieq iżżommu f’ambjent tajjeb bħala parti membru tal-familja. Ma rridux li l-kelb jerġa’ jiġi abbandunat u jsib ruħu lura fis-santwarju jew jispiċċa agħar fit-toroq.”

Qabel wieħed jieħu kelb għall-addozzjoni, l-Assoċjazzjoni taċċerta li l-kelb se jkun qed imur għand familja li kapaċi tieħu ħsiebu.

“M’hemmx proċess wieħed għal kulħadd,” qalet Rosalind Agius. “Hemm min hu esperjenzat, min jgħix f’tal-kera, min għandu dar tiegħu, min għandu tfal żgħar, klieb oħra, qtates li ma jmorrux ma’ klieb, u l-lista ma tispiċċa qatt. B’hekk irridu naraw is-sitwazzjoni ta’ kull persuna. Il-familja dejjem tiġi hawnhekk b’appuntament u nagħmlu li nistgħu biex ngħinu kemm lill-individwu u anke lill-klieb biex isibu dar li tixraqilhom.”

L-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati hi organizazzjoni voluntarja li bdiet permezz ta’ santwarju fil-Marsa fejn l-għan waħdieni dejjem kien li jagħtu spazju sigur għal klieb li jiġu salvati mit-triq jew minn post li jkunu qed jiġu abbużati sakemm fl-aħħar mill-aħħar jingħataw dar ġdida sigura. Fl-2018, l-Assoċjazzjoni ħadet id-deċiżjoni li tibda topera minn santwarju ġdid f’Birżebbuġa biex jagħtu faċilità aħjar għall-annimali salvati.

U matul dan il-vjaġġ pjuttost twil, l-Assoċjazzjoni salvat għadd ta’ klieb li kienu f’xifer il-mewt. Fost dawn kien hemm il-ġeru ta’ tmien ġimgħat, Mickey li twassal għandhom minn raġel wara li nstab miksi bil-qatran, bil-konsewgenza li tilef ħafna mill-pil tiegħu u spiċċa jbati minn uġigħ fil-ġilda. Iżda minn naħa l-oħra, lill-Mickey salvawlu għajn li kienet mgħottija kollha bil-qatran u fl-aħħar mill-aħħar spiċċa addottat minn familja li qed tagħtih l-imħabba kollha!

U riċentament, ġeru ieħor intrema f’kaxxa tal-kartun fil-Marsa u tħalla jirtried bil-bard, maħmuġ u mimli dubbien, u saħansitra imut bil-ġuħ tant li wieħed faċilment seta’ jara l-għadam ta’ ġismu. Hekk kif ittieħed għand l-Assoċjazzjoni, dan minnufih ingħata x’jiekol, ġie kkurat għall-briegħed u ngħata għadd ta’ kutri biex jipproteġuh mill-kesħa biex fl-aħħar mill-aħħar issemma’ Bella.

U ma jistax jonqos li Rosalind uriet l-għadab tagħha għal dawk li jaħqru jew jabbandunaw lill-klieb daqslikieku huma xi oġġett insinifikanti.

“Għal nies bħal dawn m’għandix kliem,” qalet Rosalind Agius. “Qed jiksru l-liġi iżda l-iktar importanti li qed jaħqru lill-annimali. X’ġibtu tagħmel il-kelb biex tabbandunah? X’ġibtu tagħmel biex tabbużah? U xi dritt għandek biex tabbandunah u tabbużah? Jekk taf tisħti, istħi! Il-ħasra li l-vittma f’sitwazzjonijiet bħal dawn huma l-annimali.”

L-istejjer ma jispiċċaw qatt ta’ klieb u ġriewi li jintremew barra qisu xejn mhu xejn bis-sejħa tibqa’ biex wieħed jieħu ir-responsabbiltà fuq spaltu li jieħu ħsieb l-annimali li jdaħħal f’daru sal-aħħar ta’ ħajjitu billi jtihom l-aħjar ħajja possibli.

Ritratti: Joseph Galea