Il-kumpilazzjoni fil-konfront taż-żewġ eks players tal-futbol tat-tim nazzjonali Malti, Darren Debono (ritratt) u Jeffrey Chetucti mixlijin b’ħasil ta’ flus bdiet tinstema’ bil-magħluq biex ma tippreġudikax l-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin fuq persuni oħra li jinsabu fuq police bail.
Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, il-Prosekuzzjoni l-Prosekuzzjoni għamlet talba biex il-każ jinstema’ fil-magħluq liema talba kienet milqugħa. Fil-bidu kien hemm ukoll divjet fuq l-ismijiet tal-akkużati, liema talba kienet ġiet irrevokata fi stadju aktar tard.
Fil-bidu tas-seduta d-difiża mmexxija mill-Avukat Gianella Demarco, talbet lill-Qorti sabiex ma tismax il-kawża minħabba li ġew informati li l-investigazzjonijiet huma relatati mal-każ taż-żejt fl-Italja li seħħ qabel l-2015 u peress li l-Maġistrat dak iż-żmien kienet Deputat Avukat Ġenerali u Kap tal-Affarijiet Internazzjonali.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u tal-Pulizija, qalet li l-investigazzjonijiet fl-Italja kienu differenti minn dawn u li l-file dwar l-assistenza li ntalbet infetaħ fl-2016 – sena wara li l-Maġistrat kienet ħalliet l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Il-Qorti ċaħdet it-talba u għal fini ta’ serħan il-moħħ ordnat lill-Avukat Ġenerali biex fis-seduta li jmiss, tiġi esebita d-dokumentazzjoni li tindika meta ġiet riċevuta kwalunkwe talba bejn l-awtoritajiet Taljani u Maltin. Debono u Chetcuti qegħdin iwieġbu li mhumiex ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom u li għadhom taħt arrest preventiv.
Fuq reati simili jinsab mixlija wkoll tliet persuni oħra li għadhom arrestati wara li diġa tressqu l-Qorti mixlija b’ħasil ta’ flus fuq miljuni ta’ ewro, fost oħrajn. Il-kumpilazzjoni fil-konfront tal-koppja Gordon u Yvette Debono ta’ 46 u 45 sena rispettivament minn Wied il-Għajn mistennija tibda għada l-Erbgħa, ukoll quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech. Il-koppja huma Diretturi ta’ 11-il kumpanija.
Magħhom jinsab mixli wkoll Shaun Higgans ta’ 36 sena minn Raħal Ġdid li l-kumpilazzjoni tiegħi diġa bdiet. Huwa qegħdin jiġu ġew akkużati b’ħasil ta’ flus billi allegatament kkonvertew jew ittrasferixxew proprjetà meta kienu jafu jew kellhom suspett li dik il-proprjetà inkisbet minn attività kriminali.
Fil-każijiet kollha l-assi tal-akkużati ġew sekwestrati u li dan jinkludu wkoll il-proprjetà u l-flejjes tal-imputati. Il-koppja Gordon Debono u Yvette Debono għandhom numru ta’ kumpaniji fis-settur marittimu allegatament involuti f’ħasil ta’ flus.
Gordon Debono waħdu qed jiġi akkużat li fil-kumpanija Petropolus Limited, li sa Ottubru t’għaxar snin ilu kienet magħrufa bħala Tiko Tiko Limited, fejn huwa żgwida b’mod qarrieq u falz lill-awdituri tal-kumpanija.
Id-difiża fil-każ tal-koppja u Higgans qed titmexxa mill-avukat Roberto Montalto.Gordon Debono għandu akkużi simili fl-Italja, u hemmhekk huwa kien ngħata l-ħelsien mill-arrest u tħalla jiġi Malta.Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Joseph Xerri, Omar Caruana u James Turner, flimkien mill-avukati mill-Avukat Ġenerali, Elaine Mercieca u Cinzia Azzopardi Alamango. It-tliet imputati qed iwieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjubin kontrihom.
Il-ġimgħa l-oħra Darren Debono ġie illiberat fuq nuqqas ta’ provi minn akkużi li assoċja ruħu ma’ ħaddieħor biex iwettaq reat abbord il-bastiment bl-isem ta’ Marie de Lourdes. Debono kien tressaq il-Qorti fuq dan il-każ sitt snin ilu.
L-ex player tal-football tat-tim nazzjonali Malti, li dak iż-żmien kien sid ta’ ħanut tal-ħut f’San Ġwann kien tressaq il-Qorti flimkien ma’ sajjied minn Marsaxlokk.
Debono ma nstabx li naqas milli jinnotifika lill-awtoritajiet, meta kien se jirritorna fil-port u li fid-dgħajsa kellu l-pixxispad u tonn għall-bejgħ. Mill-provi rriżulta li Debono rċieva telefonata mingħand il-kaptan qabel il-bastiment daħal fil-port.
Debono lanqas ma nstab ħati li ta xi ordni lill-Kaptan tal-bastiment, dwar dak li kellu jsir minn qabda tal-ħut fuq il-bastiment u ma jirriżultax lanqas li Debono kien infurmat dwar il-kwantitajiet ta’ pixxispad li nqabad u li kien ser jiġi dikjarat, jew dwar il-kwantita ta’ tonn li nqabad.
L-eks-plejer ta’ Valletta, li magħhom rebaħ diversi kampjonati u unuri oħra, Darren Debono, ta’ 46 sena, ma nstabx ħati li assista lis-sajjied Xlukkjar biex iħott il-pixxispad mingħajr permess.
//= $special ?>