Rugby Sport

Jittellgħu l-poloz għat-Tazza tad-Dinja tal-2023

(Ritratt: EPA)

Fil-jiem li għaddew ittellgħu l-poloz għat-Tazza tad-Dinja tar-Rugby tal-2023 fi Franza. L-aktar li jispikka huwa Pool A fejn l-ospitanti Franza se jkun qed jilgħabu kontra New Zealand u l-Italja. Iċ-champions renjanti, l-Afrika t’Isfel telgħu f’Pool B flimkien mal-Irlanda u l-Iskozja. Sa issa kwalifikaw 12 –il tim għall-fażi finali filwaqt li tmien timijiet oħra se jkunu qed jikkwalifikaw sa Novembru tal-2022. It-timijiet huma maqsuma f’erba’ pools ta’ ħames timijiet, bl-ewwel żewġ timijiet li jtemmu fil-pools rispettivi jikkwalifikaw għall-kwarti finali.

Il-poloz ittellgħu tliet snin qabel il-fażi finali fi Franza bit-timijiet ikunu seeded skond ir-rankings minn Jannar ta’ din is-sena. Normalment, il-poloz jittellgħu skond kif it-timijiet ikunu fir-ranking wara l-partiti li jsiru fil-ħarifa iżda timijiet bħall-Afrika t’Isfel u l-Ġappun ma lagħbux din is-sena minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Il-board responsabbli mit-Tazza tad-Dinja tar-Rugby, issuġerixxa li l-poloz jittellgħu sena qabel il-fażi finali biex il-Pools ikunu jirriflettu l-forma tat-timijiet ftit żmien qabel it-Tazza tad-Dinja.

Tazza tad-Dinja 2023

Pool A: New Zealand, Franza, Italja, l-ewwel tim li jikkwalifika mill-Amerika, l-ewwel tim li jikkwalifika mill-Afrika

Pool B: Africa t’ Isfel, Irlanda, Skozja, l-ewwel tim li jikkwalifika mill-Asja/Paċifiku, it-tieni tim li jikkwalifika mill-Ewropa.

Pool Ċ: Wales, Awstralja, Fiji, l-ewwel tim li jikkwalifika mill-Europa, it-tim li jirbaħ il-partita finali ta’ kwalifikazzjoni

Pool D: Ingilterra. Ġappun, Arġentina, l-ewwel tim li jikkwalifika mill-Oċejanja, it-tieni tim li jikkwalifika mill-Amerika