Internazzjonali

Joe Biden dikjarat formalment rebbieħ tal-elezzjoni Presidenzjali

Il-President-elett Joe Biden flimkien mal-Viċi President-elett Kamala Harris

Il-Kulleġġ elettorali Amerikan, ivvota favur Joe Biden u kien formalment dikjarat bħala rebbieħ tal-elezzjoni Presidenzjali ta’ xahar u nofs ilu. Fis-sistema elettorali Amerikana, il-votanti jagħtu l-preferenza tagħhom għal min jixtiequ jkun President u l-Kulleġġ, magħmul minn numru ta’ eletturi minn kull Stat skont il-popolazzjoni, jitlaqqa’ xi ġimgħat wara u jivvota skont il-preferenza tal-votanti fl-Istat tagħhom.

Biden kiseb 306 vot filwaqt li l-President attwali Donald Trump ingħata 232 vot. Dan il-proċess ta’ ċertifikazzjoni hu normalment wieħed li jsir fil-kwiet hekk kif ir-rebbieħ ikun ilu magħruf xi ġimgħat u jekk ikun hemm bidla fit-tmexxija il-proċess ta’ transizzjoni ikun diġa’ beda. Iżda din is-sena kienet differenti hekk kif Trump baqa’ ma rrikonoxxiex it-telfa elettorali u fetaħ għexieren ta’ kawżi jallega frodi f’tentattiv biex idawwar ir-riżultat, iżda mingħajr suċċess.

Ftit wara din il-konferma, il-President elett Joe Biden, qal li wasal iż-żmien li tinqaleb il-folja. Qal li d-demokrazija Amerikana ġiet ittestjata u mhedda iżda ħarġet b’saħħitha minn din l-isfida u kkundanna t-tentattivi ta’ Trump li pprova jfixkel ir-rieda tal-votanti.

Sadanittant, ebda kumment minn Donald Trump iżda ftit wara, permezz ta’ Twitter, hu ħabbar li l-Avukat Ġenerali William Barr irriżenja mill-kariga u li t-tluq tiegħu kien fuq bażi amikevoli.

L-Avukat Ġeneral William Barr (Xellug)

Barr kien alleat ewlieni ta’ Trump iżda fl-aħħar ġimgħat kien rappurtat li r-relazzjoni bejniethom ħadet daqqa ‘l isfel meta l-Avukat Ġenerali iddikjara li ma kienx hemm evidenza ta’ frodi sistematika fl-elezzjoni tat-3 ta’ Novembru.