L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ordnat biex sentenza li hija tagħat dwar ksur ta’ kundizzjoni fuq libertà proviżorja għandha tigi notifikata lill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza sabiex jigu kkunsidrati emendi ġodda fil-liġi.
Dan sabiex il-Qrati jkollhom diskrezzjoni x’piena japplikaw u jistgħu jagħtu skont il-gravità ta’ ksur tal-kundizzjoni tal-helsien mill-arrest. Dan minħabba li mhux kull ksur għandu l-istess konsegwenza u l-konfiska tal-ammont stabbilit fid-digriet li bih ikun ingħata l-ħelsien mill-arrest jista’ jkun sproporzjonat fiċ-ċirkostanzi.
Hija saħqet fuq dan il-punt meta bħala Qorti tal-Appell varjat bi ftit sentenza mogħtija mill-Ewwel Qorti fil-każ ta’ Paolo Mercieca ta’ 88 sena mix-Xewkija, Għawdex fuq ksur ta’ libertà proviżorja wara li ġie mixli li kiser il-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti.
Il-każ jirrelata ma’ sparatura u li kkaġuna ġrieħi ħfief lill-ġar tiegħu wara li tlewwem miegħu fuq parkeġġ. L-inċident kien seħħ fis-7 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra meta Mercieca kien involut f’argument fi Triq is-Salib ma’ Stephen Mike Cauchi ta’ 36 sena.
Fil-Qorti ngħad li l-akkużat poġġa senter taż-żewġ ma’ ras il-ġar tiegħu għax ħadd ma seta’ jipparkjalu quddiem daru. Huwa kien qal fil-Qorti, li l-argument inqala’ wara li ommu qaltlu biex iċċaqlaq il-karozza, għax l-akkużat beda joħloq paniku barra d-dar u kisser it-tieqa tal-passiġġier tal-karozza tagħhom.
Qal li wara li ġie interrogat mill-Pulizija, Cauchi qalilhom li ma riedx jipproċedi kontrih minħabba r-relazzjoni tajba mal-familja ta’ Mercieca.
Minn naħa tiegħu l-allegat vittma Stephen Mike Cauchi qal li meta telaq mill-għassa, l-anzjan qallu biex jagħmlu ftehim.
Iżda malli waslu ħdejn id-dar, Mercieca fetaħ il-bieb ta’ barra, qabad senter u poġġih ma’ moħħu. Qal li l-anzjan poġġa sebgħu mal-grillu u spara u hu kien pront tbaxxa u ħataflu s-senter u laqtu f’geddumu. Fil-proċeduri kriminali Mercieca kien qed jiġi difiż mill-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.
L-Imħallef Aaron Bugeja li kien qiegħed jippresjedi l-Qorti tal-Appell Kriminali kien tah il-ħelsien mill-arrest wara li bint l-akkużat għamlet tajjeb għall-garanzija personali ta’ missierħa ta’ €12,000. Huwa kien ġie ordnat iħallas ukoll depożitu ta’ €8,000.
L-anzjan tressaq il-Qorti mixli li kien kiser il-kundizzjonijiet tal-arrest u l-Qorti tal-Maġistrat ta’ Għawdex u wara li kkunsidrat il-kondotta tiegħu sabitu ħati u kkundannatu għal multa ta’ €1,000 u ordnat il-konfiska tad-depożitu ta’ €8,000 favur il-Gvern iżda mhux il-konfiska tal-garanzija personali u ma ordnatx l-arrest mill-ġdid tiegħu.
Dan bil-kundizzjoni illi jmur jirrisjedi fl-indirizz li kien jirrisjedi fih qabel seħħew il-fatti u jiġifieri f’residenza fi Triq il-Qbajjar, Marsalforn.
L-Avukat Damien Bigeni li qed jiddeffendi lil Mercieca quddiem l-Ewwel Qorti kien talab li minflok fir-residenza ta’ Marsalforn imur joqgħod f’post fi Triq Sant Indrija, Xewkija minħabba li dan kien mikri u ma għadux fil-pussess tal-familja.
Il-Qorti kienet laqgħet it-talba bil-kundizzjoni li bl-ebda mod ma għandu jersaq lejn l-inħawi tar-residenza tiegħu u tal-allegat vittma. L-anzjan appella fuq dak li sejjaħ dubji illi l-ordni ta’ rinkażar inkisret meta huwa kien qiegħed quddiem il-bieb ta’ daru stess u li ma nstab imkien imbiegħed minn daru. Lanqas ma kien f’xi każin, iżda biss quddiem daru jitkellem ma’ xi ħadd li kien waqaf ikellmu.
Tenna li l-kwistjoni dwar jekk kellimx xhieda tal-Prosekuzzjoni hija ċara. Kien ġie allegat li tkellem ma’ ħuh Giuseppe Mercieca u man-neputija tiegħu Therese Mercieca.
Din kienet xehdet kif hi u bintha li għandha tfal li kienu għaddejjin minn Triq tas-Salib, Xewkija f’okkażjoni ta’ darba, u bintha naturalment marret ħdejn l-akkużat li dak il-ħin kien qiegħed bilqiegħda fuq bank quddiem daru.
L-akkużat qal li żgur li ma jistax jingħad li kien hu li mar ifittex lil Therese Mercieca, anzi bil-kontra. U żgur li ma jistax jingħad illi kien hemm xi kontaminazzjoni tal-provi jew xi ksur ta’ xi ordni sempliċement matul din l-okkażjoni ta’ darba li damet biss ftit sekondi.
Dan aktar u aktar meta Therese Mercieca diġà xehdet fil-proċeduri kriminali li hemm ghaddejjin; li jfisser ukoll li bl-ebda mod ma seta’ jinfluwenza dak li setgħet tgħid din ix-xhud peress li din ma kinitx preżenti fil-ħin tal-inċident u li għalhekk għandha xhieda limitata.
Il-Qorti tal-Appell qalet li skont il-Liġi, l-Ewwel Qorti ma kellhiex diskrezzjoni dwar jekk timponix il-konfiska tal-garanzija personali anke jekk il-ksur ma kienx ta’ konsegwenza serja.
Il-Qorti kienet obligata li tikkundannah għall-hlas ta’ multa jew priġunerija għal żmien ta’ erba’ xhur sa sentejn jew it-tnejn flimkien kif ukoll il-konfiska tad-depozitu ta’ €8,000 favur il-Gvern ta’ Malta kif ukoll il-konfiska tal-garanzija personali ta’ €12,000.
L-Imħallef Scerri Herrera qalet li dawn kellhom jiġu konfiskati t-tnejn li huma. F’dan il-każ partikolari, il-Qorti għażlet li ma tikkonfiskax il-garanzija personali u lanqas ordnat l-arrest mill-ġdid ta’ Paolo Mercieca.
Il-Qorti tal-Appell qalet li peress li l-Avukat Ġenerali ma appellax mis-sentenza tal-Ewwel Qorti, hija prekluża milli żżid il-piena imposta mill-Ewwel Qorti u cioe’ ma tistax f’dan l-istadju meta kull ma għandha quddiemha huwa l-appell tal-imputat.
Qalet li ghaldastant ma għandhiex għażla ħlief li tikkonferma fejn il-Qorti ordnat il-konfiska tad-depozitu u fejn ma ordnatx il-konfiska tal-garanzija personali kif ukoll fejn ma ordnatx ir-ri-arrest.
Dwar il-multa ta’ €1,000, il-Qorti tal-Appell qalet li tqis li hija piena eċċessiva fiċ-ċirkostanzi kollha tal-kaz u ghalhekk varjata għal waħda ta’ €250. Il-Qorti kkonfermat ukoll li ma tordnax l-arrest mill-gdid tal-imputat u dan bil-kundizzjoni li jmur jirrisjedi fl-indirizz fi Triq Sant Indrija, Xewkija,
Il-Qorti rrevokat ukoll id-deċiżjoni inizzjali fejn sabet lill-imputat ħati li naqas milli jirrispetta il-ħin li huwa għandu jkun id-dar. Il-Qorti ikkonfermat ukoll l-Ordni ta’ Protezzjoni. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.
//= $special ?>