Il-fatt li mara kellha tarbija f’Ottubru li għadda wassal biex il-Qorti ta’ Għawdex preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud ma jikkundannax lilha għal sentenza ta’ ħabs effettiva.
Il-mara, Għawdxija ta’ 35 sena nstabet ħatja li bil-ħsieb li tagħmel ħsara lill-eks sieħeb tagħha, għamlet rapport falz mal-Pulizija fil-konfront tiegħu fejn akkużati b’reat li ma wettaqx..
Dawn il-fatti setgħu wasslu sabiex Domenic Zammit jispiċċa vittma tas-sitwazzjoni u li Francine Cini mir-Rabat u residenti Marsalforn għamlet dan għal gwadan finanzjarju tagħha.
Is-Surġent Shaun Tabone spjega li waqt li kien qiegħed xogħol fl-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat, Francine Cini irraportat li l-eks maħbub tagħha Domenic Zammit kien kissrilha l-windscreen tal-karozza tagħha.
Mas-Surġent Tabone, Cini insistiet li kien Zammit li għamel din il-ħsara fuq il-vettura tagħha. Is-Surġent kien bagħat għal Zammit li sostna mas-Surġent li l-windscreen tal-vettura ta’ Cini kien ilu mkisser għaliex il-vettura kienet involuta f’ħabta fi Triq ilKapuċċini, ir-Rabat. Zammit qal li Cini kienet qed tipprova tirranġa l-ħsara minn fuq dahru.
Is-Surġent sejjaħ lil Cini u staqsieha jekk il-vettura tagħha kinitx involuta f’xi inċident u jekk wara dan l-inċident il-windscreen kienx ixxaqqaq. Cini insistiet li l-ħsara li kienet sabet ma kellhiex x’taqsam ma’ dik tal-ħabta. Il-windscreen ma kinitx imxaqqa daqshekk.
In vista ta’ dak rappurtat minn Cini, Domenic Zammit u l-Avukat tiegħu talbu sabiex Cini tiġi investigata talli għamlet rapport falz. Is-Surġent talab l-għajnuna tal-Ispettur Spiteri u flimkien spezzjonaw il-vettura ta’ Cini li kienet parkeġġjata quddiem l-Għassa, u n-naħa l-oħra tat-triq.
Mill-investigazzjoni magħmula minnhom irrizulta li fuq in-naħa ta’ barra l-windscreen kien lixx mingħajr l-ebda sinjali ta’ ħsara. Iċċekkjaw ukoll l-istess windscreen minn ġewwa u rriżulta li l- ħsara kienet tinħass minn ġewwa.
Dan tahom x’jifhmu li l-ħsara fil-windscreen kienet jew saret minn ġewwa jew inkella kompliet tespandi weħidha konsegwenza tal-ewwel impatt li Cini kellha bil-vettura.
Is-Surġent sostna li Cini kontinwament ippruvat titfa’ dubju u tħassib serju li Domenic Zammit kien wara din il-ħsara. Sussegwentement Zammit reġa’ mar l-Għassa jirraporta li huwa kien mar biex idaħħal iċ-ċavetta fil-lock tal-garaxx tiegħu u ċ-ċavetta ma kinitx daħlet.
Induna li xi ħadd kien poġġielu xi ħaġa fil-lock. Huwa naddaf il-lock b’labra u minnha ħareġ biċċa njama. Zammit ippreżenta footage mill-camera li huwa kien waħħal mal-bieb tal-garaxx fejn tidher Francine Cini tersaq qrib il-garaxx ta’ Zammit, tagħmel xi ħaġa mal-bieb u ftit wara tinduna bil-camera u tidher tinħasad u tinfixel.
Zammit allega li dan kien seħħ ftit minuti qabel ma’ Cini marret tagħmel ir-rapport kontrieh. Zammit ried li jittieħdu passi kriminali kontra Cini. Dwar dan izda Cini ma nstabitx ħatja.
Il-fatt li Zammit ma kienx mess il-vettura ta’ Cini seta’ jiġi konfermat mis-CCTV footage minn camera li huwa kellu mal-garaxx peress li l-vettura ta’ Cini kienet parkeġġjata faċċata tal-istess garaxx.
Meta Zammit ġabar l-istess footage, irriżulta wkoll li Cini kienet imblukkatlu s-serratura tal-garaxx. Zammit għalhekk talab lill-Pulizija biex jieħdu passi kriminali kontra Francine Cini għal rapport falz kif ukoll talli għamlet ħsara fis-serratura tal-garaxx tiegħu.
Il-Qorti qalet li dwar dan minn imkien ma jirriżulta b’mod ċar li Cini daħlet f’xi propjetà bla permess. Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li hemm l-aspett riedukattiv u rijabilitattiv tal-piena, li tikkonċentra mhux daqstant fuq l-aspett tal-ħtija speċifika tal-ħati u li għaliha tkun immirata l-azzjoni repressiva tal-piena, daqskemm fuq l-aspett ta’ trattament terapewtiku individwali, immirat lejn ir-rijabilitazzjoni tal-ħati.
Dan l-aspett rijabilitattiv huwa kruċjali għas-soċjeta’ in kwantu jgħin lill-ħati jgħaddi minn proċess ta’ riforma tiegħu nnifsu. F’dan il-kuntest il-piena għandu jkollha effetti riedukattivi u korrezzjonali fuq il-ħati.
Il-Qorti qalet li l-piena m’ghandiex isservi bhala xi forma ta’ vendikazzjoni tas-socjetà fil-konfront tal-ħati. Cini ġiet ikkundannata għall-piena ta’ tmien xhur priġunerija iżda, billi l-Qorti hija tal-fehma li fiċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ u minħabba li għad kemm kellha tarbija fix-xahar ta’ Ottubru 2020 hemm lok li tingħata sentenza sospiża għal żmien sena
Il-Qorti qalet li qed tħeġġeġ lill-partijiet biex ipoġġu rashom fuq għonqhom, jaraw id-differenzi ta’ bejniethom issa li jidher li t-tnejn għandhom relazzjonijiet oħra, iżda jibqa’ l-ulied li huma tat-tnejn li huma u ta l-ebda persuna li llum għandhom relazzjoni magħha.
Il-partijiet huma adulti, responsabbli għall-interessi tagħhom u jista’ jkollhom kwistjonijiet kemm iridu u jmorru l-Qorti kemm iridu iżda b’rispett tat-tfal għandhom jevitaw darba għal dejjem aktar litigazzjoni bla bżonn imma minħabba l-pika biex iweġġgħu parti jew oħra.
Dan huwa sinjal ta’ irresponsabbiltà kbira li jwassal lill-Qorti għall-konklużjoni illi kull ma jimpurtahom il-partijiet, huma l-interessi personali tagħhom u mhux dawk ta’ wliedhom li aktar ’il quddiem se jkun hemm persuni kattivi li jinqdew bil-proċeduri varji li kien hemm bejn it-tnejn biex iweġġgħuhom, jiddieħku bihom jew inkella jinsulentawhom. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.
//= $special ?>