Lokali Parlament

Malta għandha tappoġġja d-demokrazija fil-Venezwela

Karl Gouder, PN

Id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder appella lill-Gvern Malti biex jagħti l-appoġġ kollu meħtieġ tiegħu – anki permezz tas-sħubija fl-UE – lill-poplu tal-Venezwela li qed jiġġieled għad-demokrazija.

Fil-parlament Karl Gouder tkellem dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u qal li kellu laqgħa mal-komunità tal-Venezwela li qed jgħixu f’Malta propju għaliex qed jaħdmu kontra d-dittatorjat li hemm f’pajjiżhom.

Hu sostna li s-sitwazzjoni hi tal-biża’ minkejja li l-pajjiż għandu rikkezzi u riżorsi naturali kbar. Kieku l-pajjiż jitħalla jaħdem fid-demokrazija u fil-paċi s-sitwazzjoni tkun ħafna aħjar; wasal iż-żmien li Malta wkoll toffri l-appoġġ lejn dan il-pajjiż u lejn il-gvern li ma jappoġġjax lir-reġim.

L-ebda pajjiż mgħandu jittollera d-dittatorjat, sostna Karl Gouder, li kompla li d-dittatorjat iwassal biex il-pajjiż jikkrolla; għalhekk ikkrollat il-Venezwela. Hu enfażizza l-importanza tal-governanza tajba u sostna li Malta għandha wkoll responsabbiltà lejn pajjiżi oħra wkoll u għalhekk għandha dmir li fejn ikun hemm nies imkasbra tesprimi appoġġ.

L-ammont ta’ nies li qed jipprovaw jaħarbu minn din id-dittatura hu enormi; liema nies għandhom stejjer xokkanti. Il-kwistjoni tmur lil hinn minn għajnuna finanzjara għaliex hu kalkulat li fl-2021 madwar 8 miljun persuna mill-Venezwela se jipprova jaħrab mill-pajjiż.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-President Juan Guaido jinsab f’riskji li jkun arrestat u torturat għax qed jirrappreżenta miljuni ta’ persuni li jridu li l-pajjiż jagħmel bidla.

L-uniku istituzzjoni leġittima fil-Venezwela hi l-Assemblea Nazzjonali li trid taħdem b’demokrazija iżda b’terminu li qed jiskadi. Kien għalhekk li d-dittatur Nicolas Maduro sejjaħ elezzjonijiet bla kundizzjonijiet ta’ proċess elettorali u trasparenti kif suppost. Dan hu każ ta’ frodi u Malta għandha tirrikonoxxi dan.