Lokali Qorti

Il-Qorti Kostituzzjonali se tiddeċiedi jekk kienx hemm ksur fil-konfront ta’ Christopher Bartolo qabel jitkompla l-każ


Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha bħala Qorti Kostituzzjonali laqgħet talba ta’ Chrisopher Bartolo mill-Fontana, Għawdex dwar ksur tad-drittijiet tal-Bniedem tingħata l-priorità meħtieġa u l-ilment tiegħu jiġi deċiz mill-Qorti Kostituzzjonali qabel titkompla l-kawza fil-Qorti tal-Appell Kriminali Sede Superjuri.

Huwa kien ammetta li ttraffika l-kannabis iżda kien qed jagħmel użu minnha biex itaffi mill-uġigħ, li skontu ma kienx jittaffa mill-pilloli li kienu qed jagħtuh.

F’deċiżjoni ta’ portata kbira mogħtija mill-Imħallef Toni Abela huwa qal li f’ċirkostanzi bħal dawn tali lment huwa ġustifikabbli u għalhekk l-ewwel għandu deċiż jekk kienx hemm ksur fil-konfront ta’ Bartolo.

F’April tal-2017 Bartolo kien ingħata sentenza ta’ ħames snin ħabs wara li ammetta li ttraffika l-kannabis meta huwa kien qed jagħmel użu minnha biex itaffi mill-uġigħ, uġigħ li skontu ma kienx jittaffa mill-pilloli li kienu qed jagħtuh.

Aktar tard f’Novembru, l-Qorti Kostituzzjoni sabet li billi ċaħdet lis-Sur Bartolo aċċess għal avukat waqt interrogazzjoni, il-Pulizija kienet kisret id-dritt tiegħu għal smigħ xieraq.

Christopher Bartolo kien qed jingħata l-kura akuta għall-mard tal-kliewi, kien inħareġ mill-ħabs fi Frar tal-2018 wara li l-President ta’ dak iż-mien Marie Louise Coleiro Preca aċċettat il-parir tal-kabinett biex għal raġunijiet umanitarji, Bartolo jinħeles mill-arrest b’diversi kundizzjonjiet fosthom li jibqa’ f’daru ħlief b’eċċezzjonijiet partikulari għall-kundizzjoni tiegħu.

Fit-talbiet tiegħu li saru mill-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia Bartolo spjega l-ilmenti tiegħu fejn qal li jiddispjaċih li l-Qorti Kostituzzjonali fil-każ tiegħu filwaqt li kkonfermat li kien hemm ksur tad-drittijiet tal-bniedem tiegħu hija rrevokat dik il-parti tas-sentenza fejn ġiet ordnata li jitqiegħed fl-istess stat li kien qabel ma jwieġeb il-mistoqsija bħala għal jekk huwiex ħati jew le.

Qal ukoll li din id-deċiżjoni tikkuntrasta ma’ sentenza mogħtija ftit jiem wara mill-istess Qorti Kostituzzjonali li wasslet għal deċiżjoni differenti f’żewġ każijiet prattikament identiċi.

Qal li mhuwiex l-ispirtu tal-Liġi li għandu jkun hemm diskriminazzjoni bejn jekk persuna għandhiex il-proċeduri pendenti quddiem il-Qorti Kriminali jew jekk għandhiex il-proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati fir-rigward ta’ l-applikabilità jew le tal-Kapitolu 537 peress li l-liġi ma titkellimx dwar jekk persuna hijiex akkużata quddiem il-Qorti tal-Maġistrati jew il-Qorti Kriminali.

Din titkellem biss dwar il-kwantità ta’ droga. Peress li l-każ quddiem il-Qorti Kriminali kien ibbażat biss fuq id-dikjarazzjonijiet mogħtija minn Bartolo, liema dikjarazzjonijiet kienu meqjusa li jiksru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Dan peress li ma kellu l-ebda assistenza legali jirriżulta li l-istess dikjarazzjonijiet ikkonfermati taħt ġurament quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli qed jiksru wkoll id-drittijiet fundamentali tiegħu.

Id-diversi setgħat u rwoli mogħtija lill-Avukat Ġenerali kemm taħt il-Kostituzzjoni ta’ Malta kif ukoll taħt l-Ordinanza tal-Avukat Ġenerali jiksru d-dritt għal smigħ ġust, tant li saru interventi leġislattivi reċenti sabiex is-sitwazzjoni nbidlet. .

Peress li l-laboratorju fejn ġew analizzati d-drogi ma kienx akkreditat skont l-istandards Ewropej jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem għal smigħ ġust skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Unjoni Ewropea u l-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni ta ’Malta.

Barra minn hekk, Chris Bartolo jinsab taħt libertà proviżorja, wara li ngħata l-libertà proviżorja fi frar 2018 mill-eks President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preco taħt liġi li rarament ġiet użata.