L-eks uffiċjal f’Kastilja Neville Gafà ma nstabx ħati li hedded ġurnalist magħruf Taljan mill-Maġistrat Charmaine Galea. Il-ġurnalist, Sebastiano Nello Scavo li jaħdem mal-ġurnal influwenti ta’ Milan, Avveninere kien fittex lil Gafa u għamel rapport fuq każ li saħansitra theddid spiċċa anke jiġi diskuss fil-Parlament Taljan.
Il-Prosekuzzjoni qed tikkunsidra li tappella mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati. Scavo huwa magħruf li fuq twitter jitkellem ħafna dwar is-sofferenza li minnha jgħaddu l-immigranti llegali li jkunu qegħdin jaqsmu l-baħar Mediterranju.
Neville Gafa li kien jaħdem fl-uffiċċju tal-Prim Ministru u anke għamel żmien Projects Director fil-Ministeru tas-Saħħa ma nstabx ħati li fis-27 ta’ Ġunju li għadda permezz ta’ tweet Gafà qal lil Sebastiano Scavo “Stop your dirty business. If not we will be stopping you”.
Il-Qorti semgħet kif fil-5 ta’ Awwissu li għadda, il-Pulizija daħlilhom ilment minn Scafo fir-rigward tal-kumment li Gafà għamel fuq il-media soċjali.
Scavo li huwa residenti Como kien qal fil-Qorti li ħassu mhedded sew mill-kummenti ta’ Gafa u xtaq li jkun jaf min huma dawk il-persuni li kienu se jwaqqfuh jgħid dak li jħoss fuq l-immigrazzjoni, meta Gafa qallu li jekk ma jieqafx “se nwaqqfuk aħna.”
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti osservat li l-media ħielsa, indipendenti u pluralistika bbażata fuq il-libertà tal-informazzjoni u l-espressjoni hija element kruċjali ta’ kull demokrazija li tiffunzjona. Qalet ukoll li l-ġurnalisti għandhom jitħallew jagħmlu xogħolhom mingħajr biża’ jew theddid.
Madankollu l-Qorti hija tal-fehma li filwaqt li l-libertà tal-esperessjoni ta’ kull persuna hi dritt fundamentali u sagrosant, din il-liberta trid tiġi rispettata minn kulħadd u li jekk wieħed jagħżel li jesprimi ruħu b’ċertu mod irid ikun lest li jaċċetta li ħaddieħor jista’ wkoll jesprimi ruħu bil-mod kif jaħseb li hu xieraq u skont il-konvinzjonijiet tiegħu, dan dejjem jekk il-kummenti tiegħu ma jikkostitwixxux reat.
Gafà kien spjega li b’dak li kteb ma kellu l-ebda intenzjoni li jhedded lil ħadd iżda l-kumment kien biss wieħed politiku. Min-naħa l-oħra Scavo stqarr li ħassu bħala theddida, b’dan pero’ bl-ebda mod ma spjega dwar kif ħassu mhedded.
Il-Qorti qalet li ukoll li ma jirriżultax li Scavo fil-mument li l-imputat għamel it-tweet, tant ħassu turbat li għamel xi rapport mal-pulizija Taljana dwar dak li ġara, wisq inqas mal-pulizija. Kien biss wara li l-Pulizija Maltija ġiet ikkuntattjata minn terz li stiednet lil Scavo jagħmel kwerela, li kienet saret aktar minn xahar wara t-tweet inkwistjoni.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li ssib dawn il-fatti xejn konvinċenti. “Jekk wieħed iħossu daqshekk mhedded u turbat ma jħallix lill-Pulizija tistiednu biex jagħmel kwerela biex jipproteġi lilu nnifsu.”
Il-Qorti nnotat ukoll li l-ebda rappreżentant tal-Alarm Phone jew RescueMed ma tressqu bħala xhieda u li x-xhud imressaq mill-Prosekuzzjoni, jiġifieri Scavo, bl-ebda mod ma spjega x’fehem bl-allegata theddida tal-imputat. Kien għalhekk li fil-fehma tal-Qorti, ma ġewx sodisfaċentement ippruvati l-elementi kostituttivi tar-reat ta’ theddid.
Il-Qorti qalet ukoll li Scavo ma ħa l-ebda pass qabel ġie kkuntattjat mill-Pulizija Maltija. “L-esperjenza ta’ din il-Qorti tgħallem li meta wieħed iħossu mhedded, speċjalment ġurnalist li kellu protezzjoni tal-Pulizija Taljana, immedjatament jirrapporta u mhux jiċċaqlaq għax xi ħadd jistiednu biex jiċċaqlaq.”
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Fabian Fleri u l-Ispettur Lydon Zammit. L-Avukat Edward Gatt assista lil Neville Gafà u l-Avukat Cris Busietta deher għal Scavo.
//= $special ?>