Internazzjonali

Niġerja: Il-Boko Haram jammetti dwar ħtif ta’ studenti

Il-militanti tal-grupp Boko Haram ħadu r-responsabbiltà għall-ħtif, jiem ilu, ta’ mijiet ta’ subien tal-iskola fl-Istat ta’ Katsina, lejn il-majjistral tan-Niġerja. Dan meta ħadd ma jaf x’għadda minn talanqas 300 minn dawn l-istudenti — u meta uħud mis-subien inkwistjoni irnexxielhom jaħarbu.

L-ammissjoni tal-militanti tat dehra differenti lis-sitwazzjoni wara li l-awtoritajiet, qabel, waħħlu ‘fil-briganti’ għall-għajbien ta’ dawn is-subien.

Il-grupp ta’ Boko Haram ilu s-snin magħruf għall-ħtif tat-tfal tal-iskola u issa, il-Kap tiegħu, Abubakar Shekau, ħareġ filmat biex jgħid li ‘dak li seħħ f’Katsina twettaq mill-militanti tiegħu’.

Il-Boko Haram, li jrid iwaqqaf Stat Iżlamiku fi bnadi tan-Niġerja, jopponi fuq kollox ‘l-edukazzjoni stil tal-Punent’ fil-pajjiż Afrikan.