Lokali Qorti

Probation għal tliet snin fuq vjolenza domestika fil-konfront tal-ġenituri tiegħu

Raġel ta’ 37 sena residenti Tal-Pietà li għandu problema ta’ droga ingħata probation għall-perjodu ta’ tliet snin wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li fil-11 ta’ Settembru 2020, bejn il-11:00am u l-11:30am u fil-ġranet u xhur ta’ qabel, barra r-residenza fi Triq il-Fossos, il-Floriana, bl-imġieba tiegħu kkaġuna repetutament lill-ġenituri tiegħu biża’ li se tintuża vjolenza kontrihom jew kontra l-proprjetà tagħhom.

Italo Grech ammetta wkoll talli nsulenta, hedded jew inġurja bi kliem jew b’mod ieħor lill-istess ġenituri u li rrenda ruħu reċediv permezz ta’ sentenzi mogħtija fil-konfront tiegħu mill-Qrati ta’ Malta.

Għall-ewwel Grech iddikjara li ma huwiex ħati iżda waqt is-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2020 huwa ammetta l-akkużi kollha miġjubin kontrih. Fid-dawl ta’ din l-ammissjoni u anke fid-dawl ta’ dak li jirriżulta mill-provi prodotti tul is-smigħ tal-proċeduri, il-Qorti sabet lill-imputat ħati ta’ l-akkużi t kollha fil-konfront tiegħu.

Għall-finijiet ta’ piena l-Qorti ħadet in konsiderazzjoni n-natura tar-reati u l-fedina penali u anke l-fatt li għandu problema qawwija ta’ abbuż ta’ droga, liema problema fil-fatt hija l-kaġun tal-problemi bejnu u l-ġenituri tiegħu, hekk kif jirriżulta mix-xhieda mogħtija minnhom.

Fil-fehma tal-Qorti s-sorveljanza ta’ l-imputat minn Uffiċjal tal-Probation hija mixtieqa. Dan kemm fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ u l-problema qawwija ta’ abbuż ta’ droga li huwa għandu.

Din il-problema wasslitu biex wettaq ir-reati li tagħhom qed jiġi kkundannat, kif ukoll fl-interess li tiġi assikurata ir-rijabilitazzjoni tiegħu mill-vizzju ta’ droga biex anke jiġi evitat l-għemil ta’ reati oħra qed tqiegħed lil Grech taħt Ordni ta’ Probation għall-perijodu ta’ tliet snin.

Il-Qorti qalet li skont it-termini ta’ l-Artikolu 383 tal-Kap.9 tal-Liġijiet ta’ Malta, sabiex izzomm l-ordni pubblika mal-ġenituri tiegħu, qed torbot lill-imputat b’obbligazzjoni tiegħu nnfisu taħt penali ta’ €1,000 għall-perijodu ta’ sena. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Michael Vella.