Basketball Sport

Rebħa fil-ħin barrani tpoġġi lil Caffè Moak Luxol fit-tieni post

Colin Schembri

Starlites GIG 78

ARMS Depiro 61

(9-22)(19-12)(22-14)(28-13)

Starlites GIG irkupraw minn bidu ħażin fl-ewwel sessjoni biex kisbu r-raba’ rebħa tal-kampjonat. Depiro kienu mingħajr il-coach regolari Ruben Baldacchino, nieqes minħabba mpenji familajri u t-team tmexxa minn Denise Said Hollier. Huma kellhom nieqsa wkoll lill-Amerikana Hannah Johnson flimkien ma’ Thea Mifsud u Danika Galea fil-waqt lil għal Starlites Nicole Schembri ħadet post Emma Azzopardi. L-ewwel sessjoni kienet mill-aqwa għat-team tad-Depiro li wara li sofrew l-ewwel żewġ punti tal-partita minn Josephine Diaby, wieġbu bi break ta’ 17-0. Kienet l-ewwel darba li Starlites sabu ruħhom f’diffikulta hekk kif id-difiża ta’ Depiro flimkien ma’ shooting żbaljathom żammewhom ‘l bogħod mill-basket għal ħin twil. Depiro bdew il-break tagħhom bil-punti ta’ Claire Ciantar u Leanne Duncan u komplew fost l-oħrajn b’żewġ trippli ta’ Monique Caruana. Wara li Starlites waqqfuhom b’żewġ baskets ta’ Steffi De Martino, Depiro kellhom aktar punti minn Duncan u Neve Borg bi Starlites jagħlqu s-sessjoni bil-punti ta’ Stephanie Davies għal skor ta’ 22-9. Depiro fetħu bl-ewwel ħames punti tat-tieni perjodu minn Nicole Agius u Julia Borg. Starlites bdew inaqqsu d-distakk u għamlu dan permezz ta’ żewġ runs qosra. L-ewwel waħda ta’ 8-0 minn De Martino u Christina Curmi u oħra ta’ 11-0 li bdewha bi trippla ta’ Patricia Arguello flimkien ma’ Maria Bonett, De Martino u Diaby. Bejniethom, Depiro kisbu żewġ baskets minn Ciantar u Julia Xerri u għalqu s-sessjoni bil-punti ta’ Borg u Caruana u baqgħu fuq quddiem fil-halftime 34-28.

Fit-tielet taqsima, Ciantar fetħet b’basket għal Depiro però Starlites wieġbu bi break ieħor ta’ 11-0 minn De Martino u Arguello li kellha trippla oħra biex reġgħu marru fuq quddiem 39-36. Għal ħin twil imbagħad iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin għalkemm Starlites baqgħu fuq quddiem sakemm Agius għamlet żewġ punti biex ippareġjat il-partita fuq skor ta’ 46-46. Diaby u Davies reġgħu poġġew lil Starlites fuq quddiem u żammew vantaġġ ta’ basket sa’ tmiem it-taqsima 50-48. Fl-aħħar perjodu Starlites bdew jinqatgħu mill-avversarji u t-tielet trippa ta’ Arguello poġġiethom 9 minn fuq 59-50. Wara risposta ta’ Depiro minn Ciantar u Borg, Starlites għamlu break ieħor ta’ 11-0 b’żewġ trippli ta’ Michela Zammit Cordina u oħra ta’ Arguello biex fetħu vantaġġ t’20 punt li baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem u rebħu l-partita 78-61.

Starlites Gig: M. Zammit Cordina 13, C. Cilia, K. Pirotta, S. Farrugia, M. Bonett 2, S. De Martino 26, C. Curmi 4, J. Diaby 10, P. Arguello 16, A. Micallef 2, S. Davies 5, N. Schembri.

ARMS Depiro: No. Agius, M. Caruana 8, Ni. Agius 12, L. Duncan 6, J. Borg 6, C. Ciantar 13, J. Xerri 4, N. Hili 4, J. Mallia, N. Borg 8, E. Cassar.

Referees: Gordon Barbara, Ivica Simic, Vladimir Nikolic

Caffè Moak Luxol………………83

Hibernians…………………………78

(14-17)(16-18)(22-14)(17-20)(14-9)

Caffè Moak Luxol pattew għat-telfa li ħadu fl-ewwel round u l-eleminazzjoni tan-Knock-out meta wara l-ħin barrani għelbu lil Hibernians 83-78 u telgħu waħedhom fit-tieni post tal-klassifika. Wara li fin-Knockout huma kkonċedew diversi rebounds lill-avversarji speċjalment fl-attakk, din id-darba kienu huma li spiċċaw bl-akbar ammont ta’ rebounds fil-partita. L-Amerikana Kali Koenig kellha wirja tajba u mexxiet lit-team u kienet hi li salvat il-parita bi trippla sekonda mit-tmiem u sfurzat il-ħin barrani. Hibs minkejja li għal diversi drabi kienu minn fuq u f’xi waqtiet ankè vantaġġ b’figuri doppji, m’għarfux iżommu l-vantaġġ sat-tmiem għalkemm eżatt qabel it-trippla ta’ Koenig Ylenia Bonett falliet żewġ free-throws li bihom kienet tagħlaq il-logħba u ttijhom ir-rebħa. Luxol marru fuq quddiem fil-bidu tal-partita permezz ta’ Koenig u Antoinette Borg. Hibs wieġbu bil-punti ta’ Naomi Farrugia u Kirsty Caruana biex marru fuq quddiem għalemm Koenig kompliet twieġeb għal Luxol, kienu Hibs li għalqu l-perjodu fuq quddiem 17-14 wara trippla ta’ Sam Brincat. Fit-tieni perjodu, Hibs irnexxielhom jiftħu vantaġġ ta’ 11 -il punt 30-19 wara diversi punti minn Caruana u trippla ta’ Jasmine Abela. Luxol kellhom risposta minn Sharon Vella u Borg però trippla oħra ta’ Abela u basket ta’ Caruana raw lill-Pawlisti jmorru 35-23 minn fuq. L-aħħar punti tat-taqsima ġew kollha minn Luxol fi break qasir ta’ 7-0 fosthom trippla ta’ Koenig u punt ta’ Marie Elise Pollacco biex fl-intervall Hibs kellhom vantaġġ ta’ 5 punti 35-30.

Wara l-misrieħ kienu Iona Agius u Claudia Camilleri li reġgħu kabbru l-vantaġġ tal-Hibs. Hawn Luxol ħasdu lill-avversarji bi break ta’ 15-3 wara diversi punti minn Cristina Sollami u Koenig biex marru 51-46 minn fuq. Hibs naqqsu kemmxejn id-distakk permezz ta’ Ylenia Bonett u Brincat però basket ta’ Sollami għalaq is-sessjoni bil-Luxol fuq quddiem 52-49. Fl-aħħar taqsima Hibs marru fuq quddiem wara bidu tajjeb minn Abela li kellha trippla oħra. Luxol irkupraw bil-punti ta’ Kay Portelli biex iż-żewġ timijiet baqgħu viċin xulxin għalkemm Hibs kienu dejjem fuq quddiem speċjalment wara run ta’ 8-2. Baskets minn Paula Ellul raw lil Luxol jersqu sa’ 3 punti ‘l bogħod però Bonett kienet fuq il-free-throw line biċ-ċans li tagħlaq il-partita li però falliet biex Koenig ħadet il-ballun u għamlet it-trippla li sfurzat il-ħin barrani fuq skor ta’ 69-69. Hibs dehru maħsuda u sofrew l-insistenza tal-vjola fost l-oħrajn b’żewġ trippli minn Portelli u Koenig. Bonett ppruvat tirkupra għal Hibs b’żewġ baskets però Luxol kienu fil-kontroll b’Koenig ma tfallix l-aħħar free-throws u ttijhom ir-rebħa 83-78.

Luxol: A. Mifsud 3, P. Ellul 6, N. Vella, M. Pollaco 2, L. Caruana Montaldo, S. Vella 4, K. Portelli 7, A. Borg 11, H. Galea, M. Grech, C. Sollami 16, K. Koenig 34.

Hibernians: C. Camilleri, E. Farrugia, I. Agius 12, Y. Bonett 13, J. Dabic, S. Brincat 8, B. Agius, J. Abela 15, Ch. Camilleri, N. Farrugia 5, K. Calleja, K. Caruana 19, M. Buhagiar 6.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Kamil Dworniczak