Lokali

X’se jagħmel il-Gvern bl-isptarijiet?

Fl-aħħar ġimgħat ħareġ ċar u tond mix-xhieda fil-Qorti, li l-ftehim tal-Gvern Laburista ma’ Vitals Global Healthcare, kien wieħed mhux biss dubjuż iżda skont l-Awditur Ġenerali Charles Deguara – saħansitra li t-tender kellu jiġi skwalifikat.

Madanakollu l-poplu Malti u Għawdxi għadu qed jistenna lill-Gvern, issa mmexxi minn Robert Abela, jieħu azzjoni immedjata u jwaqqa’ l-kuntratt li sar ghall-bejgh tal-isptarijiet….bil-għan li ma jibqgħux jinsterqu miljuni minn halq il-poplu.

Kien l-eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna li fil-Qorti sostna li mill-wegħdiet li saru mill-kumpanija barranija dwar x’ser ikunu qed jagħmlu fl-isptarijiet li nbiegħu lill-privat, ma sar pratikament xejn. Bl-Awditur Ġenerali jisħaq li minkejja li jeżistu frameworks u liġijiet sabiex wieħed isegwihom fl-aħħar mill-aħħar hija l-kuxjenza tal-individwu li tħoll u torbot.

Dwar dan kollu Net News staqsa lis-suċċessur ta’ Scicluna, l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana …illi minn naha tieghu qal li l-pożizzjoni ta’ Deguara kienet ċara għal kulħadd.

Madanakollu mistoqsi jekk hux sodisfatt bis-sitwazzjoni, Caruana indika li minflok iwaqqa’ dan il-kuntratt skandaluz…. ser ikun qed isaħħaħ il-ftehim ma’ Steward Healthcare.

Mistoqsi wkoll dwar is-sitwazzjoni li jinsabu fiha l-ħaddiema tal-kumpanija tal-gaming NetEnt li spiċċaw mingħajr impjieg ħabta u sabta, il-Ministru Caruana insista li s’issa l-Gvern għadu qed ifittex is-soluzzjonijiet.