Malta qed tibki tliet vittmi oħra tal-Coronavirus, biex issa t-total ta’ vittmi tal-imxija tela’ għal 180. L-ewwel każ imħabbar kien ta’ raġel ta’ 79 sena, li kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fit-30 ta’ Novembru. Fit-tieni każ, anzjana ta’ 90 sena, li kienet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 fit-3 ta’ Diċembru, dawn iż-żewġ fatalitajiet seħħew it-Tlieta fl-Isptar Mater Dei.
Fit-tielet każ, mara ta’ 75 sena, li kienet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 fil-11 ta’ Novembru, mietet l-Erbgħa fl-Isptar Mater Dei.
Intant fl-aħħar sigħat ġie mħabbar li nstabu 112-il każ ġdid ta’ Coronavirus f’Malta, filwaqt li bejn it-Tlieta u l-Erbgħa fiequ 96 persuna. Dan ifisser li issa t-total ta’ każijiet attivi reġa’ tela’ għal 1,672, bit-total ta’ dawk li fiequ issa huwa dak ta’ 9,372. It-total ta’ każijiet li kellna minn Marzu ‘l hawn huwa dak ta’ 11,632.
It-Tlieta tħabbru 49 każ ġdid tal-Coronavirus, li minnhom kien hemm 15-il każ fost membri tal-familja ta’ nies li kellhom il-virus, 9 każijiet minn fuq il-post tax-xogħol, 2 każijiet ta’ nies li kellhom kuntatt dirett ma’ nies bil-virus, u 2 każijiet minn avvenimenti soċjali. Dan ifisser li 21 każ kienu sporadiċi, ma jafux minn fejn laqtu l-virus.