Lokali Qtil Politiku

38 xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

F’messaġġ ippubblikat fil-jum li qed ifakkar it-38 xahar mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, l-għaqda Repubblika, permezz tal-President tagħha Robert Aquilina insistiet illi l-għaqda se tibqa’ tistinka biex issir ġustizzja… u se tibqa’ tkun it-tarka tas-sewwa.

Aquilina qal li li Repubblika ilhom 3 snin jistennew li ssir gustizzja… bl-għaqda tgħid li bil-kelma bidla ma konniex nifhmu li l-Prim Ministru minflok jaħkem minn Kastilja, jibda jaħkem b’id ħaddieħor minn Burmarrad.

Repubblika kompliet li t-Tlieta Robert Abela ħareġ jhedded tlett imħallfin għax ma mxewx ma’ dak li qal hu. “Minflok jobdu l-liġi, riedhom jobdu lilu. Minflok ifittxu l-verità dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, riedhom jisktu u jmorru d-dar.”

Huma tennew li jekk il-gvern jhedded lill-ġurnalisti, l-is-soċjetà Ċivili se toħroġ fit-toroq u meta l-gvern jhedded lill-imħallfi se jiġri l-istess.

Huma qalu li huwa fid-dmir tan-nazzjon li kull min jaqdi lill-pajjiż b’kuxjenza, ma jkunx mgħaffeġ mit-tirrannija ta’ kriminali li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.

L-attivisti ta’ Repubblika appellaw lil Robert Abela biex iħalli ‘l-istituzzjonijiet jaħdmu; ħalli l-verità ssir magħrufa; ħalli l-ġustizzja ssir.

Repubblika qalu li jekk il-Gvern Laburista se jipprova jwaqqaf is-sewwa magħruf, huma se jagħmlu minn kollox biex ikunu t-tarka ta’ dak li hu ġust u sewwa.