Lokali

Abela qed iwettaq “attakk bla preċedent” kontra l-ġudikatura

“Joseph Muscat iġġieled b’ruħu u ġismu biex ma ssirx inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ ġurnalista. Illum nafu għalfejn għax qed joħorġu fatti li jgiddbuh, bħal meta kien jaf ta’ min hi 17 Black, jew meta ddeċieda li jsejjaħ l-elezzjoni tal-2017. Robert Abela issa qed jagħmel l-istess, biex jassigura li tieqaf ħesrem din l-inkjesta. Kontinwità fil-prattika.”

Hekk stqarr il-Kap tal-PN Bernard Grech wara li lbieraħ il-Gvern ħareġ jattakka lill-Bord tal-Inkjesta li qed tinvestiga kif seħħew il-fatti b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ilbieraħ assistejna għal attakk bla preċedent mill-Gvern kontra l-Ġudikatura Maltija, meta fi stqarrija filgħaxija għamilha ċara li ma jridx li l-inkjesta titkompla, u wissa lill-bord li għandu “jerfa’ r-responsabbiltà.”

Il-Kap tal-PN qal li din mhux biss hija attitudni skorretta iżda perikoluża.Min ma togħġbux il-verità jagħmel minn kollox biex iwaqqafha milli toħroġ. Lilek iridek tibqa’ fid-dlam. Jekk irridu li pajjiżna jimxi ‘l quddiem ma nistgħux nibżgħu mid-dawl.