Internazzjonali

Brexit….Ifeġġu tamiet ġodda dwar ftehim kummerċjali

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet li nfetaħ xaqq ta’ dawl fin-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit li qed jagħmlu li jistgħu biex jikkonkludu ftehim kummerċjali għal wara Brexit.

Madankollu, von der Leyen qalet li l-ġranet li jmiss se jkunu deċiżivi, meta n-negozjaturi tal-partijiet interessati qegħdin jistinkaw lejl u nhar għal ftehim.

Intant, feġġ ukoll element ta’ ottimiżmu, bil-President tal-Kummissjoni Ewropea ittenni li, fil-parti kbira, qed ikunu riżolti n-negozjati dwar kif il-ftehim għandu jkun infurzat.

Fl-istess ħin, iżda, von der Leyen ammettiet li t-taħditiet dwar id-drittijiet tas-sajd għadhom ikkumplikati u diffiċli ħafna.

Dan meta n-negozji dwar dan is-settur kapaċi jġebbdu sal-aħħar sekonda waqt li mhemm l-ebda garanzija li l-ftehim se jintlaħaq.

Bħalissa, l-uffiċjali Britanniċi u tal-Unjoni qegħdin ikomplu jiddiskutu fi Brussell, biż-żmien għal ftehim kummerċjali qed jonqos sakemm ir-Renju Unit jinħall mir-regoli kummerċjali tal-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Diċembru.