Internazzjonali

Charlie Hebdo: Jinstabu ħatja fil-proċess dwar it-terrur tal-2015, f’Pariġi

Qorti f’Pariġi sabet lil 14-il imputat ħatja dwar kompliċità fis-sensiela tal-attakki terroristiċi qattiela li, fl-2015, twettqu mit-terroristi Iżlamiċi fil-kapitali Franċiża.

L-attakki ta’ Jannar tal-2015 ikkonċentraw, fost oħrajn, fuq il-ħaddiema tal-ġurnal satiriku Charlie Hebdo u ħanut li jbiegħ l-ikel tal-Lhud — bir-riżultat li tilfu ħajjithom 17-il persuna.

Intant, ħdax-il imputat tressqu l-qorti biex jisimgħu l-verdett — bi tlieta oħra jgħaddu mill-proċess fl-assenza tagħhom.

L-erbatax-il kompliċi nstabu ħatja dwar diversi akkużi li jvarjaw minn sħubija f’network kriminali sa kompliċità ‘diretta’ fl-attakki ta’ Jannar tal-2015. Intant, tneħħew l-akkużi prinċipali dwar terroriżmu fil-konfront ta’ sitta minn fost il-ħdax-il imputati u li nstabu ħatja dwar reati anqas gravi.