Internazzjonali

COVID 19: In-nies tal-Ewropa mħeġġa jilbsu l-maskri waqt li jqattgħu l-Milied ma’ familthom

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ħeġġet lill-popli tal-Ewropa biex jilbsu l-maskri tal-wiċċ meta jkunu miġburin mal-familji tagħhom waqt il-festi tal-Milied.

Dan fost twissija li l-Ewropa qed tiffaċċja ‘livell ta’ sogru għoli’ li tintlaqat minn mewġa ġdida ta’ infezzjonijiet bil-coronavirus waqt l-ewwel xhur tal-2021 – bil-potenzjal tat-trasmissjoni jibqa’ wieħed għoli.

Fl-istess ħin, il-pajjiżi madwar l-Ewropa għadhom qed jirreġistraw, kuljum, l-eluf tal-każi tal-Covid-19 – u li minnhom qed jirriżultaw il-mijiet tal-imwiet.

Il-Ġermanja, fl-aħħar sigħat, daħlet f’lockdown strett li permezz tiegħu se jingħalqu l-iskejjel u n-negozji mhux essenzjali, f’tentattiv biex titwaqqaf iż-żieda qawwija fl-infezzjonijiet tal-COVID-19. Il-miżuri li daħlu fis-seħħ se jibqgħu sal-10 ta’ Jannar wara li l-pajjiż irrapporta madwar elf mewta ġdida u viċin it-28,000 każ ġdid tal-coronavirus għal perjodu ta’ 24 siegħa.

Taħt il-miżuri l-ġodda tal-Ġermanja ser jibqgħu miftuħin biss negozji bħal supermarkets u banek. Ir-ristoranti, bars u ċ-ċentri tad-divertiment ilhom magħluqa minn Novembru u se jibqgħu hekk tal-anqas sa’ nofs Jannar li ġej.

Jidher, intant, li fil-Milied ir-retrizzjonijiet fil-Ġermanja se jkunu rilassati momentarjament biex il-persuni jkunu jistgħu jilqgħu f’darhom sa erba’ membri tal-familja li jkunu jgħixu f’dar separata. Sadanittant, il-Gvern Ġermaniż qed iħeġġeġ lil min iħaddem biex jippermetti lill-impjegati jaħdmu mid-dar.

Il-media fil-Ġermanja qed tirrapporta li filwaqt li qed jonqsu l-infezzjonijiet fost iż-żgħażagħ, il-każi, għall-kuntrarju, qegħdin jiżdiedu fost il-persuni akbar fl-età li aktar huma disposti li jiżviluppaw is-sintomi serji u anki fatali mill-virus.

Il-miżuri ta’ sigurtà mill-aktar stetti saru realtà għall-Ġermaniżi wara li l-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel qalet li s-sistema magħrufa bħala ‘lockdown light’ li bdiet f’Novembru ma kenitx effettiva biżżejjed biex il-virus jinġieb taħt kontroll.

Il-miżuri għal kontra l-firxa tal-Covid-19 komplew fi bnadi oħra tal-Ewropa, bi Franza tibdel it-tieni lockdown nazzjonali ma’ curfew, li qed ikun effettiv mit-8 ta’ filgħaxija sas-sitta ta’ filgħodu. In-nies mhumiex se jitħallew joħorġu mid-dar mingħajr awtorizzazzjoni u waqt li Lejliet il-Milied hi eżenta mir-regoli, il-miżuri fi Franza se jkunu infurzati xorta waħda għal Lejliet l-Ewwel tas-Sena.

L-Olanda tinsab taħt lockdown effettiv għal ħames ġimgħat u li hu l-ogħla miżura ta’ emerġenza min-naħa tal-awtoritajiet Olandiżi kemm ilha li bdiet il-pandemija.

Intant, f’Londra, il-kapitali tal-Ingilterra, qed ikunu implimentati l-aktar regoli stretti tal-lockdown u fejn ma jistgħux jiftħu l-pubs u r-ristoranti – ħlief għal servizzi ta’ takeaway u delivery.

Il-vittmi tal-coronavirus fl-Italja komplew telgħin u fejn il-medja hi viċin il-500 kuljum. F’din is-sitwazzjoni, il-Gvern Taljan qed jikkunsidra li jissikka aktar il-miżuri ta’ emerġenza għall-btajjel tal-Milied.