Internazzjonali

Ġappun: Id-dibattitu dwar is-suwiċidju jirranka wara l-kundanna tat-‘Twitter Killer’

Il-kundanna, fil-Ġappun, ta’ qattiel imlaqqam ‘Twitter Killer’ mhux talli qed titqies bħala ‘verdett ġust fiċ-ċirkustanzi’ iżda, fl-istess ħin, qed tixpruna d-dibattitu dwar is-suwiċidju (fil-pajjiż) u kif tingħata l-għajnuna lin-nies li jistgħu qed jikkunsidraw li jneħħu ħajjithom.

Il-verdett ittieħed ftit tas-snin wara li Takahiro Shiraishi qatel disa’ persuni li kien ikkuntattjahom b’dan il-mezz tal-media soċjali — u minkejja li l-avukati difensuri qalu li l-vittmi kienu ngħataw ‘il-kunsens li jinqatlu’.

TShiraishi kien arrestat, fl-2017, wara li l-pulizija sabu l-fdalijiet tal-bnedmin fl-appartament tiegħu. Hu ammetta li kien qatel u biċċer lill-vittmi, li kważi kollha kienu nisa żgħażagħ li kien iltaqa’ magħhom fuq Twitter.

Dan kien wieħed mill-agħar każi ta’ serial killings fil-Ġappun u l-awtoritajiet issa qed janalizzaw il-mezzi kif is-suwiċidju għandu jkun diskuss fuq il-mezzi online.

Mijiet ta’ nies imlew l-awla tal-qorti biex jisimgħu l-qari tal-verdett dwar Shiraishi u meta l-appoġġ għall-piena tal-mewt jibqa’ għoli fil-Ġappun.

Il-qattiel kien juża Twitter biex jattira lin-nisa ‘b’tendenzi suwiċidali’ lejn id-dar tiegħu, bil-wiegħda li ‘hu seta’ jgħinhom biex jaslu fejn iridu’. Kien hemm ukoll każi fejn hu wiegħed lill-vittmi li ‘kien se joqtol lilu nnifsu wkoll ladarba huma jippreżentaw ruħhom għall-qatla’.

Intant, ir-raġel għallaq u biċċer tmien nisa u raġel ( bil-vittmi jkollhom bejn 15 u 26 sena) bejn Awwissu u Ottubru tal-2017.

Is-serial killings saru magħufa għall-ewwel darba f’Novembru ta’ dik is-sena meta l-pulizija sabu l-biċċiet maqtugħin tal-iġsma fl-appartament ta’ Shiraishi, fil-belt ta’ Zama. Huma dakinar kienu qed ifittxu għal mara ta’ 23 sena li, fil-fatt, kienet spiċċat fost il-vittmi tas-serial killer.

L-appartament ta’ Shiraishi, wara, kienet imlaqqma ‘id-dar tal-orrur’ mill-media. Dan ladarba l-investigaturi elevaw l-irjus maqtugħin tal-vittmi u l-għadam tal-idejn u s-saqajn minn diversi coolers u kaxxi tal-għodda.

Filwaqt li l-prosekuturi talbu biex il-qattiel jingħata l-piena massima, Shiraishi iddeċieda li jikkuntesta lill-avukati tiegħu stess bi stqarrija li hu ‘kien qatel lill-vittmi mingħajr il-kunsens tagħhom’ – bl-imħallef jiddeċiedi li l-imputat kien ‘totalment responsabbli mill-aġir tiegħu’.

L-imħallef sostna li dan il-każ ta’ serial killings iġġenera ansjetà kbira fis-soċjetà fejn ammonti kbar ta’ nies qed jużaw in-networks soċjali.