Futbol Sport

Gowl lejn it-tmiem ta’ Firmino jpoġġi lil Liverpool fil-quċċata

(Ritratt: EPA)

Liverpool għelbu lil Tottenham 2-1 u b’hekk fetħu vantaġġ ta’ tliet punti fil-quċċata tal-klassifika fuq l-istess Tottenham. Kien MOHAMMED SALAH li fetaħ l-iskor għat-tim imexxi minn Jurgen Klopp wara 26 minuta meta l-konklużjoni tiegħu kienet devjata għal wara Lloris. Tottenham wettqu reazzjoni u HEUNG- MIN SON ġab id-draw fit-33 minuta meta kkonkluda fuq pass tajjeb ta’ Giovanni Lo Celso. Tottenham resqu viċin li jmorru fil-vantaġġ fit-62 minuta meta Steven Bergwijn ra t-tentattiv tiegħu jaħbat mal-lasta. Għaxar minuti wara Liverpool ukoll laqtu l-lasta permezz ta’ Sadio Mane. Liverpool kisbu l-gowl tar-rebħ tard fil-partita, fid-89 minuta meta minn corner ta’ Robertson kien ROBERTO FIRMINO li għola fuq kulħadd u xeħet għal ġewwa.

Arsenal temmew sekwenza mill-aktar negattiva bi draw, 1-1, f’darhom ma’ Southampton. Il-Gunners kienu ġejjin minn tliet telfiet konsekuttivi u dan il-punt ftit iserrħilhom rashom li l-affarijiet jistgħu ġejjin għall-aħjar, bil-futur tal-manager, Mikel Arteta, għadu diskutibbli. Kienu s-Saints li marru fil-vantaġġ meta Theo WALCOTT fit-18 -il minuta sab ix-xibka kontra l-eks tim tiegħu wara li, b’finta, qarraq għal kollox lill-gowlkiper Bernd Leno.
Intant, fit-tieni taqsima, Pierre-Emerick AUBAMEYANG kiseb id-draw għal Arsenal li kienu ilhom 797 minuta ma jiskurjaw gowl minn azzjoni fil-Premier League. Intant, il-Gunners spiċċaw il-logħba b’għaxra wara t-tkeċċija ta’ Gabriel li ntwera żewġ karti sofor fi spazju ta’ erba’ minuti.
Il-logħba f’Elland Road bejn Leeds United u Newcastle United kien fiha xalata ta’ gowls – b’Leeds jiksbu l-akbar rebħa tagħhom f’dan l-istaġun, 5-2, bi tliet gowls skurjati fl-aħħar tlettax-il minuta.

Newcastle kisbu l-vantaġġ minn Jeff HENDRICK iżda Patrick BAMFORD ġab id-dro għal Leeds qabel il-mistrieħ. Fit-tieni taqsima RODRIGO tefa’ lill-Peacocks fil-vantaġġ, b’Newcastle iwieġbu mill-ġdid minn Ciaran CLARKE. Intant, l-aħħar fażi tal-logħba kienet kollha ta’ marka ‘Leeds’, b’ DALLAS, ALIOSKI u HARRISON ma jħallu l-ebda dubju dwar id-destinazzjoni tal-punti.

Everton komplew juru titjib b’rebħa komda, 2-0, fuq Leicester City fil-King Power Stadium. It-Toffees ħadu l-vantaġġ kontra x-xejra tal-logħob meta RICHARLISON fil-21 minuta żgiċċa lid-difiża tal-Foxes u għeleb lill-gowlkiper Schmiechel b’xutt fil-baxx għar-rokna. Leicester għamlu li setgħu biex jidħlu fil-logħba iżda fit-72 minuta wasal il-gowl deċiżiv għal Everton meta d-difensur, Mason HOLGATE, kien fil-post eżatt biex jiskorja l-ewwel gowl tiegħu bil-flokk tat-Toffees fuq azzjoni ta’ corner.

PREMIER LEAGUE
Ilbieraħ
: Wolves v Chelsea 2-1, Man City v WBA 1-1 Illum: Arsenal v Southampton 1-1, Leeds v Newcastle 5-2, Leicester v Everton 0-2, Fulham v Brighton 0-0, Liverpool v Tottenham 2-1, West Ham v C. Palace 1-1 Għada: Aston Villa v Burnley 7.00pm, Sheff. Utd v Man Utd 9.00pm