Lokali Unjoni Ewropea

“Hu l-attakk fuq l-Inkjesta ta’ Daphne li se jkollu l-konsegwenzi” – David Casa

Ritratt: Jonathan Borg

“Il-Gvern Malti qed jirreżisti, b’mod b’saħħtu, li titwaqqaf l-inkjesta indipendenti fiċ-ċirkustanzi dwar l-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia. Issa li l-verità qed toħroġ, dawn qed jagħmlu dak kollu possibbli biex iwaqqfuha. L-inkjesti pubbliċi għandhom jitħallew jagħmlu xogħolhom b’mod trankwill – mingħajr ebda indħil, pressjoni u intimidazzjoni,” qal il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa b’reazzjoni għall-isforzi tal-Prim Ministru Robert Abela biex iwaqqaf l-inkjesta qabel tlesti xogħolha.

“Daphne Caruana Galizia kienet intimidata u attakkata f’ħajjitha mill-istess Gvern li jrid li jagħlaq l-inkjesta fil-qtil tagħha. Dan hu inaċċettabbli. L-isforzi tal-Gvern biex iżarma, jimmina u joqtol il-kredibilità tal-inkjesta se jkollhom il-konsegwenzi.

Daphne Caruana Galizia kixfet il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus fl-ogħla livelli tal-Gvern Malti. L-allegat moħħ wara l-qtil tagħha nkixef li hu involut f’attivitajiet mal-Uffiċċju tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Jien għandi messaġġ ċar għall-Gvern Malti: ħalli l-inkjesta bi kwieta jekk trid tkun kredibbli, meta tgħid li sar progress dwar is-saltna tad-dritt.”

L-MEP Casa se jieħu din il-kwistjoni wkoll quddiem il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-Viċi President tal-Kummissjoni għall-Valuri u t-Trasparenza Vera Jourova, biex jinfurmahom dwar dawn l-iżviluppi u l-attentati tal-Gvern Malti li jindaħal fil-proċess ġudizzjarju.