Lokali

Ikompli jiżdied il-faqar f’pajjiżna

Persuna minn kull ħamsa f'riskju tal-faqar jew l-eklużjoni soċjali

Konferma ta’ realtà li qed issir dejjem aktar iebsa – persuna minn kull ħamsa li tgħix f’Malta, is-sena li għaddiet kienet fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali.

Dan jirrizulta mill-istharrig annwali dwar id-dħul u l-kundizzjonijiet tal-għixien tan-nies f’pajjizna.

Ic-cifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika minn fost 4,400 familja juru li kważi għaxra fil-mija tal-Maltin jiċċaħdu minn affarijiet materjali jew soċjali, bħal per ezempju vaganza ta’ ġimgħa fis-sena barra mid-dar tagħhom.

Is-sena li għaddiet 82,758 persuna kienu fir-riskju tal-faqar għax id-dħul tagħhom kien inqas minn €9,212, jiġifieri 60% tad-dħul medju nazzjonali.

L-ammont ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jirrappreżenta 17% tal-popolazzjoni, żieda ta’ 0.3%meta mqabbel mal-2018. Il-maġġoranza tal-persuni li qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu huma anzjani ta’ l fuq minn 65 sena.

L-istħarriġ li sar fost aktar minn 9,500 persuna li jgħixu f’4,400 familja differenti wera wkoll li meta jiżdiedu l-persuni li huma kkunsidrati fir-riskju tal-esklużjoni soċjali, l-istampa tkun sahansitra aghar.

Ghall-2019, l-istħarriġ wera li 3.6% tal-familji kienu jaqgħu fil-kategorija ta’ dawk li jgħixu l-iktar fil-faqar għax fost l-oħrajn ma jaffordjawx jieklu laħam, tiġieġ, ħut jew ħaxix u frott filwaqt li kważi għaxra fil-mija tal-familji kienu kkunsidrati li qed jiċċaħdu minn affarijiet materjali jew soċjali għax ma jifilħux iħallsu spiża mhux mistennija, jew isaħħnu djarhom fix-xitwa, iħallsu l-kontijiet jew ma jifilħux iħallsu għal btala ta’ ġimgħa fis-sena.