Lokali Parlament

Ir-riċerka u l-innovazzjoni għadhom mhux prijorità għall-pajjiż; Malta tinsab qabel l-aħħar fl-Ewropa

Claudio Grech, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li minkejja l-iżviluppi kollha li qed isiru fil-pajjiż, ir-riċerka u l-innovazzjoni għadhom m’humiex prijorità għall-gvern.

Fil-parlament Claudio Grech qal li dan il-ministeru nħoloq ftit ilu wara li l-Prim Ministru għamel ir-reshuffle tiegħu u l-estimi kellu jerġa’ jkun pubblikat. Dan il-ministeru nħoloq fil-kabinett enormi li għandu l-pajjiż.

L-istat tar-riċerka u l-iżvilupp fil-pajjiż hu inkwetanti għaliex skont il-Eurostat jirriżulta li Malta tinsab fil-pst ta’ qabel tal-aħħar fl-intensità fir-riċerka u l-iżvilupp b’nefqa ta’ 0.6% tal-infieq li jagħmlu pajjiżi oħra. Il-gvern m’għandux dan is-settur bħala prijorità; konferma oħra li l-gvern qed jattwa mudell ekonomiku skorrett.

Fl-2018 il-gvern nefaq inqas minn €1 miljun fir-riċerka; dan il-pajjiż għadu ma jemminx biżżejjed f’dawn l-oqsma, sostna Claudio Grech, li kompla li l-innovazzjoni kbira tal-gvern kienet li jbiegħ il-passaporti. Il-pajjiż ma jistax jikkompeti meta jinvesti biss ftit ammonti fl-istart ups meta pajjii barranin jinvestu l-miljuni fir-riċerka.

Claudio Grech sostna li l-banek kummerċjali ma jappoġġjawx ideat ġodda li jista’ jkollhom iż-żgħażagħ; l-inċentivi li jeżistu huma ftit wisq biex ikunu effettivi.

Il-pajjiż ibati ħafna min-nuqqas ta’ viżjoni; il-gvern għandu l-obbligu li jimbotta l-viżjoni dwar l-innovazzjoni u r-riċerka. Hu semma’ l-istart-ups fl-intrapriża fejn iż-żgħażagħ ikollhom idea kif jagħmlu l-ġid u jiġġeneraw attività ekonomika u qal li Malta għad ma ressqitx liġi dwar l-intrapriża soċjali.

Claudio Grech qal li hemm żieda kbira fid-depożiti fil-banek li m’humiex ikunu investiti għaliex il-gvern mhux kapaċi jattria l-aqwa imħuħ biex joħloq pjattaforma ta’ investiment. Il-pajjiż għandu jattira lejn il-pajjiż nies b’talent li jistgħu jkkontribwixxu lejn il-pajjiż u mux biss nies li jixtru l-passaporti.

Hu sostna li jkun żball li l-ekonomija Maltija tkun ibbażata fuq pagi baxxi u importazzjoni ta’ ħaddiema barranin. Importanti li l-ħaddiema u l-familji Maltin ma jkollhomx bżonn jagħmlu xogħol itar minn dak li jifilħu biex jgħixu ħajja ta’ kwalità tajba.