Lokali

‘Iż-Żgħażagħ fiċ-ċentru tat-tfassil ta’ Pajjiżna’ – PN

Diskussjoni bis-sehem tal-Kap tal-PN Bernard Grech, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar, il-KNŻ, l-MŻPN u Team Start PN

Iż-żgħażagħ għandhom ikunu parti mill-istruttura u mhux biss parti mid-diskussjoni – Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt diskussjoni organizzata mill-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) bit-tema ‘iż-Żgħażagħ fiċ-ċentru tat-tfassil ta’ PAJJIŻNA’.

Diskussjoni bejn il-PN, il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ), l-MŻPN u Team Start PN, li fiha kienu trattati diversi temi differenti li direttament jolqtu liż-żgħażagħ.

Bernard Grech saħaq fuq l-importanza li ż-żgħażagħ ikunu parteċipi f’kull fergħa tal-partit u f’kull settur tal-pajjiż. Hu saħaq li parti mir-riġenerazzjoni li qed issir qed tinvolvi liż-żgħażagħ għaliex illum huma parti mill-politika u fil-futur se jkunu parti mit-tmexxija tal-pajjiż.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ Robert Cutajar li ħadem qrib l-MŻPN u Team Start biex il-PN ikollu proposti favur iż-żgħażagħ, saħaq li qed ipoġġi viżjoni fl-interess ta’ pajjiżna. Hu fakkar li wieħed mill-pilastri ewlenin tal-politka tal-PN huwa s-settur taż-żgħażagħ kif ukoll l-ambjent fejn fakkar kif b’maturità politka il-PN ressaq mozzjoni fil-Parlament dwar l-emerġenza fil-klima li kienet ukoll appoġjata mill-KNŻ.

Id-Deputat Robert Cutajar

Robert Cutajar qal li l-PN ma jridx li ż-żgħażagħ ikunu biss fuq il-billboards u r-ritratti imma jrid li jaħdem magħhom, jisma’ x’qed jgħidu biex wara nattwaw il-politka tagħna u fejn irridu npoġġu lil pajjiżna fix-xhur u s-snin li ġejjin. Il-Kelliem għaż-Żgħażagħ fakkar kif it-tfal tal-lum huma ż-żgħażagħ t’għada u allura huma wkoll se jkunu affetwati mid-deċiżjonijiet li nieħdu llum. Hu qal dan meta kien qed jispjega l-politka tal-PN.

F’din l-istess diskussjoni, l-President tal-KNŻ Chiara Vassallo tkellmet dwar ix-xogħol tal-Kunsill fejn spjegat li qed issir diskussjoni ma’ numru kbir ta’ entitajiet oħra f’pajjiżna li jirrapreżantaw liż-żgħażagħ. Chiara Vassallo qalet li huma importanti ħafna li huma jkunu nvoluti f’kull proċess li jirrigwarda dan is-settur biex jiġi żgurat li dejjem ikun hemm involut il-vuċi taż-żgħażagħ. Hi spjegat li l-KNŻ iħaddan fih ‘l fuq minn 30 għaqda li jirrapreżentaw oqsma differenti tal-ħajja taż-żgħażagħ f’Malta u f’Għawdex.

Chiara Vassallo

Eve Borg Bonello President ta’ Team Start tkellmet dwar l-importanza li jkunu inklużi wkoll żgħażagħ ta’ 14 sa 18-il sena fid-diskussjoni. Eve Borg Bonello saħqet li ż-żgħażagħ għandhom opnjonijiet, ideat u passjoni u għalhekk għandna naċċertaw li ngħatu pjataforma fejn jistgħu isemmgħu lehinhom u fejn jaraw li l-proposti tagħhom qed jiġu attwati. Il-President ta’ Team Start appellat liż-żgħażagħ biex jipparteċipaw u jkunu protagonisti fit-tibdil għall-aħjar ta’ pajjiżna mhux biss fil-futur imma anke fil-preżent.

Eve Borg Bonello

Din id-diskussjoni tmexxiet mill-President tal-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista Joseph Grech u se tixxandar b’mod sħiħ illejla fit-8:15pm fuq NET Television.

Joseph Grech