Lokali Qorti

L-avukati ta’ Yorgen Fenech iridu li l-psikjatri jixhdu dwar l-evalwazzjoni li qed issir fuq Melvin Theuma

L-avukati ta’ Yorgen Fenech talbu għal tliet psikjatri, maħtura mill-Qorti fuq talba tagħhom stess biex issir evalwazzjoni tal-middleman Melvin Theuma fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan biex jixhdu dwar l-brief tagħhom s’issa.

Din l-aħħar talba kienet ġiet ippreżentata nhar it-Tlieta, wara li l-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, kienet iddeċidiet li Theuma, ix-xhud ewlieni tal-Prosekuzzjoni, ma jixhedx fil-kumpilazzjoni tal-qtil li għaddejja sakemm tiġi konkluża l-evalwazzjoni psikjatrika tiegħu.

Nhar il-Ġimgħa li għaddiet, il-Maġistrat Montebello tat digriet, waqt li rrimarkat li l-istima psikjatrika msemmija kienet mitluba mit-tim tad-difiża tal-akkużat u li l-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx.

Il-Qorti kienet għalhekk fdat il-kompitu lil tliet esperti mediċi, maħtura kmieni f’Novembru. Fid-digriet tal-Ġimgħa, il-Qorti għamlitha ċara li Theuma ma kienx mistenni li jiffaċċja kontro-eżami ulterjuri sakemm il-psikjatri ma jkunux “definittivament temmew” l-brief tagħhom.

Id-difiża ta’ Fenech kienet talbet ukoll għal kopja sħiħa tan-noti kkonsultati mill-Prosekuzzjoni tal-Ispettur Kurt Zahra meta xehed fil-kumpilazzjoni tal-qtil, kif ukoll id-dejta kollha tas-service provider, miġbura matul l-investigazzjoni kollha.

Il-Qorti b’hekk ħatret is-seduta li jmiss għall-Ġimgħa li ġej fl-10.00am., kważi xahar qabel id-data tat-12 ta’ Jannar skedata minn qabel għat-tkomplija tal-proċeduri, billi tat lill-Prosekuzzjoni u lill-Avukat Ġenerali sal-lum l-Erbgħa biex jirreġistraw kwalunkwe oġġezzjoni għat-talbiet tad-difiża.

Quddiem talba ġdida biex jixhdu l-esperti psikjatriċi, il-Qorti rrimarkat li d-digriet preċedenti tagħha kellu jkun irrispettat u s-sejħa għall-esperti kellha tiġi ppreżentata aktar kmieni.

Talbiet ippreżentati mill-avukati tad-difiża għandhom isegwu konsiderazzjoni serja u dovuta mistennija mill-Uffiċjali tal-Qorti fi proċedimenti kriminali, aktar milli ppreżentati “bl-addoċċ”, osservat l-istess Qorti, filwaqt li ordnat avviż tad-digriet lill-Kummissarju tal-Pulizija biex issejjaħ l-esperti kif xieraq.

L-avukati ta’ Yorgen Fenech ilhom li jressqu rikorsi fil-Qorti fejn talbu biex malajr kemm jista’ jkun Melvin Theuma jitla’ fuq il-pedana tax-xhieda sabiex isirlu l-kontro-eżami.

Il-middleman li ammetta li kellu x’jaqsam fil-komplott biex joqtol lil Daphne Caruana Galizia, kellu jixhed lura f’Lulju iżda l-pjanijiet ġew imfixkla lejliet is-seduta tat-22 ta’ Lulju meta Theuma nstab f’għadira demm fl-appartament tiegħu fis-Swieqi.