Atletika Sport

L-Istadium tal-Atletika tal-Marsa se jinbidel fi stadium sportiv ta’ livell dinji

L-assoċjazzjoni Maltija tal-atletika, Athletics Malta, ħabbret proġett ta’ investiment infrastrutturali fil-Matthew Micallef St John Athletics Stadium fil-Marsa bl-għan li dan jinbidel fi stadium ta’ livell dinji għall-atleti Maltin filwaqt li jgħin fil-ħidma tal-assoċjazzjoni biex iż-żona tinbidel f’hub internazzjonali sportiv.

Il-President tal-MAAA, Andy Grech spjega li dan l-investiment, li għandu bħala miri ewlenija l-organizzazzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-2023 u anke fil-futur, tant li hu ppjanat li jilqa’ atleti tal-għola livell minn madwar id-dinja, biex isaħħaħ isem Malta bħala destinazzjoni ewlenija tat-turiżmu sportiv fl-Ewropa. Barra minn trakka tal-atletika ta’ Klassi 1, l-impjant se jinkludi faċilitajiet ta’ rijabilitazzjoni, ċentru tax-xjenza sportiva, żoni tal-fiżjoterapija, gym tal-aqwa kwalità, kmamar għal-lezzjonijiet, uffiċċji u sala għall-konferenzi, ristorant b’veduta panoramika, swali għall-VIPs u l-media kif ukoll hostel fuq il-post. Athletics Malta qed taħdem flimkien ma’ Sport Malta li qed tinvesti wkoll f’faċilitajeit qrib l-iStadium biex iż-żona tinbidel f’hub sportiv.

Il-President ta’ Athletics Malta tkellem dwar kif l-istadium se jsir wieħed mill-ftit impjanti tal-atletika sostenibbli u li jħares l-ambjent: “Il-governanza ambjentali hi parti fundamentali tal-prinċipji Olimpiċi. Mhux faċli li żżomm bilanċ bejn l-impatt ekonomiku u r-responsabbiltajiet ambjentali: dan jeħtieġ investiment u hu għalhekk li l-periti tagħna ddiżinjaw dan l-impjant biex ikun utli s-sena kollha u jkun effiċjenti fir-riżorsi tiegħu. Iż-żona tal-warming up kif ukoll l-istand se jkunu miksija bil-pannelli fotovoltajċi biex jiġġeneraw l-enerġija waqt li fl-istess ħin qed joffru kenn lill-atleti u l-ispettaturi. L-ilma tax-xita se jinġabar biex jintuża fiż-żona ta’ rijabilitazzjoni, kmamar tal-banju u għall-irrigazzjoni tal-ħaxix.”

Grech ikkonkluda li “Athletics Malta qed tressaq proġett li se jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħna fl-isport, iżda fl-istess waqt naħsbu għal futur sostenibbli f’pajjiżna”. Il-proġett ġie ideat u ddiżinjat minn grupp ta’ atleti stess – Dario Mangion, Julian Mifsud, Paula Grech u Luke Micallef.